Pirati Somali li, jiem ilu, kienu ħatfu tanker taż-żejt, reġgħu ħelsuh mingħajr ma talbu kundizzjonijiet jew ħlas ta’ xi rahan.
L-aħbar ingħatat sigħat wara li l-pirati u qawwiet tal-baħar daħlu f’konfront vjolenti waqt inċident li kien jinvolvi dgħajsa li jaħsbu li kienet qed twassal provisti lill-pirati.
Ir-rapporti qalu li pirati fuq it-tanker kienu fetħu n-nar wara li l-awtoritajiet ippruvaw jinterċettaw id-dgħajsa inkwistjoni li jaħsbu kienet mgħobbija b’affarijiet essenzjali (għall-pirati) bħall-ikel. Ingħad ukoll li tal-anqas erba’ persuni sfaw midruba fl-isparatura.
It-tanker kien qed ibaħħar, nhar it-Tnejn, minn Djibouti lejn Mogadishu, il-kapitali tas-Somalja, meta nħataf mill-pirati. Il-bastiment, li hu proprjetà tal-Emirati Għarab, kien qed iġorr kunsinna taż-żejt u kellu fuqu ekwipaġġ ta’ tmienja – kollha Srilankani.
Il-ħtif tat-tanker kien l-ewwel każ ta’ dan it-tip li qatt seħħ ’il hinn mill-kosta tas-Somalja mill-2012 ’il hawn. Issa, il-Ministeru Srilankan għall-Affarijiet Barranin qal li l-membri tal-ekwipaġġ tat-tanker inħelsu qawwijin u sħaħ u li ma sar l-ebda pagament bi skambju.
//= $special ?>