Knisja Lokali

Sena mill-mewt tal-Arċisqof Emeritu Ġużeppi Mercieca

L-Arċidjoċesi ta’ Malta ser tfakkar l-ewwel anniversarju mill-mewt tal-Arċisqof Emeritu Ġużeppi Mercieca. Nhar it-Tnejn 20 ta’ Marzu 2017, Solennità ta’ San Ġużepp, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ser jiċċelebra Quddiesa fil-Katidral tal-Imdina, fis-6:00 p.m., b’suffraġju għal Mons. Ġużeppi Mercieca.

Fi tmiem il-Quddiesa, l-Arċisqof ibierek il-qabar ta’ Mons. Mercieca fil-Katidral stess.

It-Tlieta 21 ta’ Marzu, jum l-anniversarju tal-mewt ta’ Mons. Mercieca, l-Arċisqof ser jiċċelebra Quddiesa fil-Kappella tal-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana. Wara, fil-Kurja stess, ser issir attività kommemorattiva b’diskors mill-Vigarju Ġenerali Mons. Joe Galea Curmi.

Il-programm jinkludi filmati tal-Arċisqof Mercieca u s-sehem ta’ kor tat-tfal mill-Iskola Primarja ta’ St Francis, Bormla. Matul din l-attività ser jiġi mniedi it-tieni ktieb dwar l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca “bit-tema Ragħaj għal kull staġun”, miktub minn Charles Buttigieg. Din it-tifkira tagħlaq b’messaġġ tal-Arċisqof Scicluna.

L-Arċisqof Ġużeppi Mercieca miet fis-7:20 a.m. tal-21 ta’ Marzu 2016, fl-età ta’ 87 sena.