Sport Sport Ieħor

Aktar suċċess għall-Maltin f’San Marino

F’Serravalle f’San Marino fir-Rose’ n Bowl ġurnata oħra ta’ suċċessi għall-kontinġent Malti tat-TenPin Bowling.

F’edizzjoni oħra tal-Logħob tal-istati Żgħar tal-Ewropa, Tim A ta’ Malta, magħmul minn Sue Abela u Justin Caruana Scicluna fil-finali tal-mixed doubles rebaħ il-medalja tad-deheb wara li għeleb lill-Iżlanda.
Tim B ta’ Malta magħmul minn Sara Xuereb u Mauro Anastasi rebħu l-medalja tal-bronż mill-konfront kontra Ċipru.

Fit-tieni ġurnata, wara li fid-doubles Sara Xuereb u Sue Abela kif ukoll Justin Caruana Scicluna u Mauro Anastasi rebħu l-medalji tal-bronż, it-tim Malti immexxi mill-President tal-Assoċjazzjoni Paul Baldacchino u l-kowċ nazzjonali Rick Vogelesand rebħu l-medalja tad-deheb għat-timijiet.

Tard waranofsinhar Sara Xuereb rebħet id-deheb fil-kategorija tal-Masters filwaqt li Sue Abela rebhet il-bronż. Dan ifisser li matul il-jumejn Malta s’issa rebħet tliet midalji tad-deheb u ħamsa tal-bronż.
F’dan il-Logħob flimkien ma’ Malta qed jieħdu sehem il-Lussemburgu, San Marino, Ċipru u l-Iżlanda.