Lokali

FILMAT: “Irrid li tirnexxi f’pajjiżna stess, u mhux ikollok issiefer barra minn Malta” – Simon Busuttil

L-SĦPN qed torganizza konferenza li qed tixxandar live fuq Radio 101 dwar il-proposti tal-PN

“Il-viżjoni tiegħi hi li l-Partit Nazzjonalista jiftaħ il-bieb tal-opportunitajiet f’Malta, u ma rridx li biex wieħed jirnexxi jkollu joqgħod imur barra minn Malta”. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-SĦPN fuq Radio 101. “Irridek tibqa hawn biex tirnexxi f’pajjiżna stess,” qal Simon Busuttil. Hu qal li l-Gvern ta’ Muscat ħoloq il-problema li ġab lill-poplu Malti u Għawdxi tallab tal-politiċi, u li wieħed jirnexxi biss jekk jaf lil Muscat jew lill-klikka tiegħu. Simon Busuttil qal li jekk ikun Prim Ministru, n-nies jirnexxu b’dak li jafu u mhux skont lil min jafu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li fil-jiem li ġejjin, se jkun qed iniedi viżjoni ta’ sistema alternattiva tat-trasport pubbliku li twassal biex il-poplu Malti u Għawdxi jużaha għax jaf li se tkun fil-ħin. “Illum, it-trasport pubbliku mhux effiċjenti u għalhekk in-nies ma jużawhx. Għalhekk aħna qed naħdmu fuq sistema alternattiva li tkun effiċjenti,” qal Simon Busuttil, filwaqt li spjega li din se tkun fil-forma ta’ light railway.

Simon Busuttil tkellem ukoll dwar il-proposti l-oħra li ressaq il-Partit fl-aħħar xhur, fosthom dawk tat-traffiku fl-immedjat, l-ambjent, l-ekonomija, l-governanza tajba u dawk indirizzati lis-sidien tal-ħwienet u negozji ż-żgħar. Hu fakkar li l-aktar proposta innovattiva fid-dokument tal-ħwienet hi dik li kull min jagħmel attività kummerċjali, se jara t-taxxa fuq l-ewwel €50,000 profitt tonqos għal 10%. Hu sostna li b’din il-proposta, kulħadd se jgawdi, għax minbarra li jkun hemm aktar flus fil-bwiet tas-sidien tal-ħwienet, igawdi wkoll il-konsumaturi.

Hu qal li dan id-dokument fih 51 proposta, fosthom li l-VAT li jinġabar mingħand tal-ħwienet jintuża biex jissebħu ż-żoni tal-istess ħwienet, kif ukoll li titneħħa s-sisa li daħħal Muscat fuq affarijiet essenzjali ta’ kuljum, fosthom it-toiletries.

Simon Busuttil qal li din il-ġimgħa kompla jqassam dan id-dokument lis-sidien tal-ħwienet fil-Belt Valletta u li dawn il-proposti qed jintlaqgħu b’mod tajjeb ħafna. Hu fakkar li hemm madwar 7,000 ħanut f’Malta u li bejniethom iħaddmu mal-20,000 persuna.