“Kieku sar il-pjan tal-Kunsill Lokali, kieku ma kienx ikun hemm id-diżastru li kien hemm f’San Ġiljan”. Kienet din ir-reazzjoni tas-Sindku ta’ San Ġiljan Guido Dalli, l-għada tal-festa ta’ San Patrizju, meta r-residenti ta’ San Ġiljan qamu għal diżastru sħiħ b’ħafna skart mormi ma’ kullimkien.
“Ġara dak li konna qed naħsbu” qalilna s-Sindku ta’ San Ġiljan, filwaqt li rrakkonta d-diżastru li kien hemm f’San Ġiljan, b’nies jagħmlu l-bżonnijiet tagħhom mal-bibien tar-residenti u affarijiet oħra. “Kieku l-attività ġiet organizzata kif ridna aħna, kieku dalgħodu mhux qed nitkellmu kif qed nitkellmu” żied jgħid.
Is-Sindku ta’ San Ġiljan spjega li f’Settembru tas-sena li għaddiet, kien hemm organizzatur li kien avviċina lill-Kunsill biex jorganizza l-attivitajiet ta’ San Patrizju. Il-Kunsill kien aċċetta bil-patt li jkun jista’ jimponi fuq dan l-organizzatur numru ta’ kundizzjonijiet.
Fost dawn il-kundizzjonijiet kien se jkun hemm l-obbligu li l-organizzatur ipoġġi mat-30 ‘mobile toilet’, iħallas mat-30 uffiċjal tas-sigurtà, iħallas l-ispejjeż ta’ ‘helpline’, iħallas l-ispejjeż ta’ ambulanza f’każ ta’ emerġenza, u fuq kollox, iħallas l-ispejjeż kollha tat-tindif.
“L-organizzatur kien se jħallas l-ispiża kollha, bit-tindif b’kollox” qalilna s-Sindku. “Fejn il-Kunsill is-soltu joħroġ il-flus, dis-sena mhux talli ma konniex se noħorġu flus, iżda talli kien se jagħti €2,000 żejda lill-Kunsill bħala kumpens biex jagħmlu tajjeb għat-tkissir u l-ħsarat li jsir”.
Imma minn dan il-pjan li kellu l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan, ma sar xejn. Wara li nuqqas ta’ qbil bejn il-Kunsill u xi sidien ta’ negozji, kien wassal biex il-Kunsill twaqqaf mill-Qorti milli jorganizza din l-attività. Bis-Sindku ta’ San Ġiljan jesprimi xewqa li s-sena d-dieħla, l-affarijiet kif saru din is-sena, ma jirrepetux ruħhom.
“Nisperaw li minn dal-inkwiet kollu joħroġ xi ħaġa ta’ ġid” temm jgħid Guido Dalli. “Nisperaw li għas-sena d-dieħla, forsi niltaqgħu qabel u nagħmlu l-affarijiet b’mod aktar organizzat biex ma jerġax jiġri dak li ġara dis-sena” temm jgħid is-Sindku fil-kummenti tiegħu ma’ NET News.
Wara li r-residenti kellhom iħabbtu wiċċhom mal-iskart għas-siegħat kollha ta’ filgħodu, it-tindif aktar tard sar mid-dipartimenti konċernati tal-Gvern.
//= $special ?>