Waqt attività politika fl-Orpheum fil-Gżira, il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar l-ewwel erba’ snin ta’ Gvern Laburista. Hu ftaħar li l-Gvern Laburista wettaq dak li wiegħed f’diversi oqsma fosthom semma l-enerġija.
Imma l-fatti juru li l-enerġija nadifa li hawn f’Malta llum ġejja mill-power station tal-BWSC u mill-Iterconnector li t-tnjen huma proġetti tal-Gvern Nazzjonalista. Il-power station tal-gass li l-Prim Ministru Muscat wiegħed li jlesti fi żmien sentejn u jekk le jirriżenja, għadha mhix lesta sal-lum, erba’ snin wara, u l-Prim Ministru baqa’ ma żammx kellmtu u ma rriżenjax.
Joseph Muscat qal li llum Malta saret l-aqwa fl-Ewropa u qal li saret bidla fil-pajjiż fejn kulħadd tejjeb ħajtu.
Dwar il-Partit Laburista qal li dan hu Partit magħqud. Imma dan jikkuntrasta ħafna ma dak li ddikjarat is-Sinjura Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru fil-jiem li għaddew waqt attivita’ politika ta’ Silvio Schembri fejn qalet li kien hemm Deputati li tmejjlu bihom.
Lejn tmiem id-diskors tiegħu Joseph Muscat tkellem ukoll dwar San Pietru u San Pawl u għaliex il-Knisja tiċċelebra l-festa ta’ dawn il-qaddisisn flimkien. Anke d-Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona kien wieħed mill-kelliema ukoll semma l-qaddisin.
Sadattant fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li Muscat tkellem dwar il-ħames snin li ġejjin pero’ mill-affarijiet kollha li semma, l-uniku garanzija li jista’ jagħti Muscat hi li jkollu Gvern aktar korrott minn dak ta’ llum.
Jekk fl-ewwel jiem wara l-aħħar elezzjoni, Muscat ħalla lil sħabu f’Kastilja jiftħu kumpaniji sigrieti fil-Panama, rebħa fl-elezzjoni li ġejja tkun qed tagħtih liċenzja biex il-kumpaniji jimlewhom b’miljuni ta’ commissions hekk kif inqabdu li riedu jagħmlu.
X’se jżomm lil Muscat u sħabu milli jkomplu jiffangaw jekk jerġgħu ikunu fil-Gvern? Staqsa l-PN. Filwaqt li nofs il-popolazzjoni f’pajjiżna ma jarawx €11,000 fis-sena, Muscat mar jonfoqhom f’sitt ijiem Dubai. Daqshekk huwa diġà maqtugħ mill-ħajja tan-nies; aħseb u ara jekk jerġa’ jiġi elett.
Pajjiżna ma jiflaħx ħames snin oħra ta’ korruzzjoni. Pajjiżna għandu bżonn bidla radikali fil-mod ta’ kif issir il-politika u kif jitmexxa l-pajjiż fejn kulħadd ikollu tassew l-istess opportunità. Din il-bidla jista’ jagħtiha biss Simon Busuttil, itemm jgħid il-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>