Lokali

FILMAT U RITRATTI: L-għada ta’ San Patrizju – “Spinola ssir qisha miżbla”

Il-veduta li ssoltu tkun waħda mill-isbaħ, l-għodwa fil-bajja ta’ Spinola llum stenbħet b’dan il-mod; skart mxerrda maz-zona kollha,  b’uħud jgħidu li dalgħodu, “il-bajja ta’ Spinola saret qisha miżbla”.

F’kummenti fuq Facebook ħafna qalu li wara l-festa ta’ San Patrizju li kienet ilbieraħ, kienu l-mijiet li maru lejn San Ġiljan, u kien l-ħafna profit li għamlu l-ħwienet ta’ divertiment li jinsabu fl-akwata, iżda issa l-Kunsill Lokali waħdu se jkollu jasorbi l-ħlas t’aktar minn € 3,000 biex iz-zona tiġi mnaddfa.

Dan kollu kien jiġi evitat kieku l-proposta tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan li ġiet approvata mill-Kunsilliera kollha, seħħet u ma kinitx imblukkata, kieku din l-ispiza kienet faċilment tiġi evitata u l-flus użati llum kienu jintużaw għal xi ħaġa oħra li żgur il-lokalità ta’ San Ġiljan kienet se tgawdi minnha. Hija tassew ħasra li din ir-rebgħa ġabet minn taħt lir-residenti Ġiljaniżi.

Segwi aktar fil-filmat t’hawn taħt:

Intant il-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista lbieraħ fi stqarrija qalu li d-deċiżjonijiet kollha li ttieħdu fil-konfront tal-attivitajiet ta’ San Patrizju, saru fl-interess tar-residenti Ġiljaniżi.

Il-kunsilliera kollha tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan ħadu d-deċiżjoni li tassigura li l-post fejn saru ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ San Patrizju jitnaddfu wara l-attivitajiet biex b’hekk ma jkunu ta’ ebda inkonvenjenza għall-Ġiljaniżi. Apparti minn hekk, dawk li kienu se jattendu l-attività kienu se jkunu mdawrin b’25 metru ta’ sigurtà u kif ukoll mobile toilet, ambulanza u help line fil-każ li jinqala xi ħaġa. Isostnu li hi ħasra li dawn l-affarijiet kollha sfaw fix-xejn.

Il-kunsilliera Nazzjonalisti qalu li l-Kunsill ta’ San Ġiljan saħansitra talab is-somma ta’ €2,000 lill-kumpannja li kienet se torganizza din l-attività bħala kumpens għal kwalunkwe xogħol ieħor li jista’ jkun rekwiżit li jsir kemm waqt kif ukoll wara l-attivitajiet ta’ San Patrizju.

Huma qalu li filwaqt li jirrispettaw id-deċiżjoni tal-Qorti, huma qalu li dak d-deċiżjonijiet tal-Kunsill sar fl-interess tar-residenti ta’ San Ġiljan.