Lokali Transport

FILMAT: Żomm għajnejk fuq it-triq għas-sewwieqa tal-muturi u ċ-ċiklisti

Transport Malta u l-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq, nhedew kampanja biex titqajjem kuxjenza dwar il-perikli li jiltaqgħu magħhom is-sewwieqa tal-muturi u ċ-ċiklisti.

Dawn is-sewwieqa huma l-aktar involuti f’aċċidenti serji, għalkemm huma ħafna inqas fin-numru. Fl-2016, 6% biss tal-vetturi rreġistrati Malta kienu muturi iżda 40% tal-fatalitajiet kienu sewwieqa tal-muturi, disgħa tilfu ħajjithom. Wieħed minn kull tlieta li weġġgħu serjament kien sewwieq ta’ mutur.

Għal dan il-għan, Transport Malta u l-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq iddeċidew li jiffukaw kampanja dwar l-interazzjoni fit-triq bejn is-sewwieqa tal-muturi, tal-karozzi u ċ-ċiklisti. Il-kampanja tindirizza kemm lis-sewwieqa tal-muturi u r-roti kif ukoll tal-karozzi. Titlob lis-sewwieqa tal-muturi biex joqgħodu attenti u jkunu lesti għal kull manuvra fit-toroq, biex jilbsu ilbies protettiv u ma jsuqux b’mod eċċessiv. Il-kampanja tindirizza wkoll lis-sewwieqa tal-karozzi. Is-sewwieqa tal-muturi u ċ-ċiklisti huma aktar diffiċli biex tarhom u għalhekk aktar vulnerabbli. Għaldaqstant, il-kampanja titlob lis-sewwieqa tal-karozzi biex isuqu b’attenzjoni u jżommu d-distanza.

L-ewwel filmat ta’ din il-kampanja juri sewwieq ta’ mutur jevita aċċidenti potenzjali fl-aħħar mumenti. Ix-xena tibda bill turi aċċident fatali fit-triq, sewwieq ta’ mutur għaddej u grupp ta’ tfal jilagħbu l-logħba tradizzjonali waqt li jkantaw “Ara ġejja l-mewt għalik”. Il-filmat ifakkar kemm hu faċli li wieħed jikkawża aċċident serju u fatali lis-sewwieqa tal-muturi, kemm sempliċiment tiftaħ il-bieba mingħajr ma tħares jew tikser bl-addoċċ. It-tieni filmat fis-sensiela u l-bqija tal-kampanja se jiffukaw iktar fuq iċ-ċiklisti.

Tranpsort qalet li l-muturi u ċ-ċikliżmu qed isiru popolari f’Malta, hija infatti kommessa li, fejn hu possibbli, tħares aħjar dawn il-mezzi tat-trasport fid-disinn tal-infrastruttura fil-futur. Transport Malta introduċiet ukoll ‘motorcycle strips’ għall-ewwel darba waqt l-implimentazzjoni ta’ Triq il-Kosta. Aktar motorcycle strips u crash barriers se jsiru element iktar regolari fl-għamara tat-triq.

Transport Malta u l-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq qalu li se jkomplu jaħdmu biex tissaħħaħ is-sigurtà fit-toroq u appellaw lis-sewwieqa kollha biex jirrispettaw lilhom infushom u lil xulxin biex nagħmlu t-toroq tagħna aktar sikuri.