BirdLife Malta u l-Park tal-Majjistral organizzaw ġurnata fil-kampanja għat-tfal li huma morda bil-kanċer jew li għaddew minn din il-marda.
Is-Sibt filgħodu f’ġurnata mill-isbaħ grupp imdaqqas ta’ tfal flimkien mal-ġenituri tagħhom marru fiċ-Ċentru tal-Viżitaturi tal-Park tal-Majjistral fl-inħawi ta’ Għajn Tuffieħa fejn it-tfal ingħataw tagħrif dwar kif jagħmlu l-pizza u anke middew idejhom fix-xogħol.
Wara huma imxew fil-kampanja sabiħa tal-Park tal-Majjistral fejn kien organizzat għalihom logħob marbut man-natura u mal-ambjent. Il-logħob sar taħt il-gwida ta’ membri ta’ BirdLife Malta u tal-Park tal-Majjistral.
Imbagħad it-tfal żaru r-razzett tal-Koperattiva Rurali Manikata biex jitgħallmu dwar il-ħxejjex u l-annimali. Il-ħarġa spiċċat fiċ-Ċentru tal-Viżitaturi tal-Park tal-Majjistral.
Din l-inizjattiva għenet biex it-tfal u l-ġenituri tagħhom jinsew xi ftit it-tbatija li jkunu għaddejjin minnha u fl-istess ħin jitgħallmu japprezzaw is-sbuħija tal-ambjent naturali.
//= $special ?>