Lokali

Il-Gvern jinjora talba għal negozjati mal-MUMN

L-Isptar Mater Dei - Mill-Arkivji

Il-Gvern ilu aktar minn ġimgħatejn jinjora talba tal-Union Maltija tal-Qwiebel u l-Infermiera biex jibdew negozjati dwar ftehim settorali għall-qwiebel u l-infermiera.

L-MUMN qalet dan fi stqarrija li fiha infurmat li t-talba biex jibdew il-laqgħat saret aktar minn ġimgħatejn ilu mad-Dipartiment tas-Saħħa. Madanakollu, sa issa, l-MUMN għadha ma rċevietx risposta lura. L-aħħar ftehim settorali għall-qwiebel u l-infermiera sar aktar minn erba’ snin ilu.

L-MUMN żiedet li l-qwiebel u l-infermiera kollha f’Malta u Għawdex jinsabu fuq ix-xwiek għal ftehim settorali ġdid peress li hemm numru ta’ affarijiet li jeħtieġ li jkunu diskussi, fosthom il-pagi, affarijiet ta’ saħħa u sigurtà, kwistjonijiet relatati mal-iżvilupp professjonali tal-ħaddiema u problemi marbuta man-nuqqas eżistenti ta’ infermiera.

Fl-istqarrija tagħha, l-MUMN żiedet li ladarba jibdew in-negozjati, hi mhux se taċċetta li dawn idumu għaddejjin ġimgħat fuq ġimgħat, tant li fl-ewwel laqgħa li jkollha, se tagħmilha ċara li jrid jiġi miftihem programm fiss ta’ laqgħat, li ma jistax jaqbeż it-tliet xhur.

Il-Kunsill tal-MUMN temm jgħid li għandu l-appoġġ tal-qwiebel u l-infermiera kollha, li kontinwament qed jaħdmu f’ambjent stressanti minħabba nuqqas ta’ impjegati u responsabbilitajiet dejjem aktar jiżdidu fuq spallejn l-infermiera u l-qwiebel.