Ilbieraħ beda x-xogħol ta’ twaqqih fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex biex tibda tinbena l-iskola Barts. Għal din it-tnedija ta’ dan il-proġett kien mistenni li jattendu bosta Ministri tal-Gvern biex jinawguraw dan il-bidu tax-xogħol – fosthom il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, Ministru Anton Refalo, u l-Ministru Konrad Mizzi. Iżda minkejja li l-Press Call li ntbgħat mid-Dipartiment tal-Informazzjoni uriet dan, Chris Fearne baqa’ ma deherx.
Wara l-preżentazzjoni tal-proġett fejn tkellmu diversi nies fosthom il-Ministri preżenti u rappreżentanti tal-iskola Barts, NET News staqsa għalfejn il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ma attendix għal din l-attivita’ – aktar u aktar meta minbarra kien mistenni li jattendi, imma dan hu proġett relatat direttament taħt is-settur tas-saħħa.
Il-Ministru Konrad Mizzi qal li dan il-proġett fejn bdew jitwaqqaw setturi mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jinvolvi diversi setturi u Ministeri differenti, għaldaqstant mhux bilfors li jattendi. Dan fid-dawl li l-Ministru Chris Fearne kien imniżżel fil-Press Call tad-DOI.
Ta’ min jinnota l-fatt ukoll, li waqt id-diskors ta’ Nadine Delicata, is-CEO tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fl-ebda ħin ma ġie msemmi jew rringrazzjat għall-ħidma tiegħu Chris Fearne – għall-kuntrarju tal-Ministri Konrad Mizzi u Anton Refalo.
It-twaqqih beda fil-parti ta’ fejn kienet tinstab il-canteen tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex, u fil-preżent hemm nofs iż-żona tal-parkeġġ li ma tistax tintuża minħabba li qed tintuża bħala parti mix-xogħol ta’ dimoluzzjoni. Filfatt parti minn dan x-xogħol ta’ twaqqih intwera fl-istess preżentazzjoni li saret fir-reception il-ġdid tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
//= $special ?>