L-attakkant ta’ Manchester United Zlatan Ibrahimovic qal li jkun aktar motivat meta jilgħab kontra timijiet immexxija mill-kowċ Pep Guardiola.
Il-fatt li r-relazzjoni bejn dawn it-tnejn m’hijiex waħda tajba mhux sorpriża. Fi tmiem l-istaġun 2008-9 Ibrahimovic kien ħalla lil Inter u ngħaqad ma’ Barcelona li dakinhar kienu taħt it-tmexxija tal-istess Guardiola.
Ftit xhur wara li Ibrahimovic kellu bidu tajjeb mat-tim Katalan dan beda jitħalla barra mit-tim u minn hemm ‘il quddiem ir-relazzjoni bejn il-plejer Żvediż u l-kowċ marret lura. It-tnejn li huma spiċċaw bilkemm jitkellmu ma’ xulxin u Ibrahimovic ħalla lil Barcelona fi tmiem l-istaġun u ngħaqad ma’ Milan.
Ibrahimovic u Guiardola issa reġgħu jinsabu fl-istess kampjonat hekk kif Guardiola bħalissa qed imexxi lil Manchester City.
“Meta nilgħab kontra timijiet tiegħu nħossni aktar motivat. L-adrenalina li nħoss meta naffronta timijiet li jmexxi hu hi kbira,” qal Ibrahimovic.
Minkejja li Ibrahimovic rebaħ il-kampjonat f’dak l-istaġun li ħadem ma’ Guardiola xorta waħda dejjem ikkritika lill-kowċ li kellu.
“Meta kont ma’ Inter dejjem kien iċempilli biex immur nilgħab ma’ Barcelona u wara li għamilt dan ma baqax jitrattani tajjeb,” temm jgħid Ibrahimovic.
//= $special ?>