L-aġenda tal-Partit Nazzjonalista jiddettaha l-partit, u mhux se nħalli lill-Partit Laburista jdaħħal feles biex jagħti l-impressjoni li hawn il-firda. Dikjarazzjoni mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta kien qed jiġi intervistat fuq Radio 101.
“Naf li fuq Mario d Marco hawn min ilu mill-bidunett jara kif se jagħmel biex joħloq firda u jagħti l-impressjoni li hawn firda fil-Partit Nazzjonalista. Imma rrid nagħmilha ċara. Fil-Partit Nazzjonalista m’hawn l-ebda firda. Mario de Marco qiegħed, u se jibqa’ hawn” sostna Simon Busuttil. “M’hu se nħalli lil ħadd jipprova jdaħħal feles bejnietna” żied jgħid.
Simon Busuttil żied jgħid li l-problema fil-pajjiż jisimha Joseph Muscat, u l-attakki mill-Partit Laburista fuq il-Partit Nazzjonalista m’huma xejn għajr attentat iddisprat.
“Il-problema ma jisimiex Mario de Marco. Il-problema jisimha Joseph Muscat u l-aktar Gvern korrott li qed imexxi hu” qal Simon Busuttil, li kompla li mhux se jħalli lil min jiddetta l-aġenda tal-Partit Nazzjonalista. “L-aġenda tal-Partit Nazzjonalista jiddettaha l-Partit” sostna Simon Busuttil.
Simon Busuttil saħaq li Mario de Marco għamel sew meta waqaf mill-inkarigi professjonali meta tfaċċa l-kunflitt ta’ interess, bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jżid li xorta waħda qabbad Kummissjoni mmexxija mill-eks Imħallef Giovanni Bonello biex tistudja proposti mhux biss dwar il-finanzjament tal-partiti iżda anke dwar il-finanzjament tal-politiċi.
//= $special ?>