Il-filmati mxandra minn NET LIVE ilbieraħ u li fakkru l-25 sena mit-traġedja ta’ Raħal Ġdid, qanqlu diversi reazzjonijiet minn nies li jiftakkru eżatt din il-ġrajja kerha tal-1992.
L-isplużjoni, li kienet riżultat ta’ nar li tqabbad apposta, ħasdet il-ħajja ta’ Yvette Bonnici ta’ 24 sena, u binha Shaun li kellu biss sena u 7 xhur. Ir-raġel ta’ Yvette, Vince, kien irnexxielu joħroġ mit-tiġrif u jiskansha.
Il-Brigadier Maurice Calleja kien minn tal-ewwel li wasal fil-post dakinhar tal-inċident, flimkien mal-Pulizija tal-SAG u s-suldati tas-C Company.
Il-katavru tat-tifel kien l-ewwel li inħareġ mit-tifrik tal-ġebel. Ommu instabet mejta ftit tal-metri biss ‘il bogħod.
Fuq Facebook, ħafna ikkummentaw dwar ix-xena li raw b’għajnejhom dakinhar fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid. “Qatt mhu se ninsew id-dieqa li irrenjat fost dawk kollha preżenti. U meta ħarġu lit-tifel mejjet, is-skiet li iddomina kont taqtgħu b’sikkina”.
Dwar dan il-każ kienu tressqu erba’ persuni l-Qorti.
//= $special ?>