Internazzjonali

Id-dinja tar-Rock ‘n Roll issellem lil Chuck Berry

Chuck Berry – Id-dinja tal-mużika tinsab f’luttu għall-mewt tal-kantant-mużiċista Amerikan, Chuck Berry, li jibqa’ famuż bħala pijunier ewlieni tar-Rock ‘n Roll u li tul is-snin serva bħala l-ispirazzjoni għal mijiet ta’ kantanti u gruppi ta’ dan il-ġeneru.

Il-mewta tal-kantant, fl-età ta’ 90 sena, kienet ikkonfermata mill-pulizija fl-Istat ta’ Missouri, bl-aħbar tiġri madwar id-dinja anki waqt li l-kantanti u mużiċisti ta’ fama internazzjonali użaw il-media soċjali biex jibagħtu messaġġi ta’ sogħba u rispett għat-talenti straordinarji ta’ Chuck Berry; kantant li tul il-karriera tiegħu kellu lista twila ta’ suċċessi fosthom Roll Over Beethoven, Johnny B Goode u Maybellene.

Chuck Berry bir-raġun se jibqa’ magħruf bħala leġġenda tal-mużika meta kien jirrappreżenta l-ġenerazzjoni bikrija tar-Rock and Roll u l-Blues flimkien ma ikoni oħra tal-mużika tas-snin ħamsin li llum mgħadhomx magħna, fosthom Little Richard, Buddy Holly u Bill Haley.

Fost id-diversi unuri li Berry ingħata tul il-karriera li damet għal għexieren ta’ snin hemm il-Grammy li kien ippreżentat biha fl-1984 għall-kontribut tiegħu lill-mużika. Sentejn wara, proprju fl-1986, Chuck Berry kien wieħed mill-ewwel ismijiet inklużi fir-Rock and Roll Hall of Fame.

Fost l-ewwel kantanti u mużiċisti li sellmu lill-memorja ta’ Chuck Berry kien hemm il-grupp The Jacksons, l-eks Beatle Ringo Star, il-kantant tar-Rolling Stones Mick Jagger u l-kantant-kompożitur, Huey Lewis li fisser lil Chuck Berry bħala, x’aktarx, l-aktar personalità importanti fl-istorja tar-Rock n Roll.