Internazzjonali

Il-Ġermanja: Eluf ta’ Kurdi jipprotestaw kontra l-President tat-Turkija

Madwar 30,000 Kurdi Torok fi Frankfurt ħadu sehem f’dimostrazzjoni kontra l-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan

Id-dimostrazzjoni fil-belt partikulari attirat nies minn madwar il-Ġermanja qabel iċ-ċelebrazzjonijiet tas-Sena Ġdida tal-Kurdi; bl-eluf jagħjtu slogans favur id-demokrazija u kontra l-impenn ta’ Erdogan biex iżid il-poteri Presidenzjali permezz ta’ referendum speċifiku li se jsir ix-xahar id-dieħel fit-Turkija.

Sadanittant, il-Gvern tat-Turkija kkundanna din id-demostrazzjoni bħala ‘inaċċettabbli’ waqt li akkuża lill-Ġermanja ‘b’ipokrezija’ talli permettiet biex l-avveniment isir f’artha.

Dan fost it-tilwima taħraq bejn iż-żewġ pajjiżi li ilha għaddejja mindu l-Ġermanja (ġimgħatejn ilu) ostakolat lill-Ministri Torok milli  jitkellmu fl-ibliet Ġermaniżi  waqt rallies favur il-Gvern ta’ Erdogan.

Fis-16 ta’ April, it-Turkija torganizza referendum kostituzzjonali fejn il-votanti Torok jivvutaw għal sett ta’ emendi proposti għall-Kostituzzjoni tagħhom. Il-vot, fuq kollox, jiddeċiedi jekk it-Torok jibdlux is-sistema parlamentari ma’ Presidenza aktar influwenti u li ilu jittama fiha Tayyip Erdogan.