Lokali

Konrad Mizzi jdaħħal 150 partitarju mid-distrett jaħdmu mal-Gvern

Il-Ministru Konrad Mizzi
Il-Ministru Konrad Mizzi mill-ġdid fl-ahbarijiet. Dan hekk kif il-gazzetta The Sunday Times zvelat kif Konrad Mizzi qed idaħħal mal-150 persuna fil-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

Għexieren ta’ persuni se jibdew jaħdmu mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma f’dik li qed tissejjaħ bħala kampanja għall-voti mill-Ministru Konrad Mizzi.

Il-gazzetta Sunday Times of Malta tirrapporta li madwar 150 persuna għal dawn l-aħħar ġimgħat u xhur, qed jiddaħħlu f’din l-entita’ pubblika li għadha taqa’ taħt ir-responsabbilta’ ta’ Konrad Mizzi. Il-ħaddiema huma residenti fil-Fgura, Raħal Ġdid, Santa Luċija u Ħal Tarxien, li jagħmlu parti mid-distrett elettorali tal-Ministru Konrad Mizzi.

Dawn il-ħaddiema irċevew ittra mill-Korporazzjoni li se jkunu ingaġġati bħala fitters. L-Ittra kienet iffirmata minn Michael Parnis, eks Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU u llum konsulent taċ-Chairman Mario Zammit dwar ir-riżorsi umani.

Dawn il-ħaddiema prospettiva intqalilhom biex jirreġistraw fir-reġistru ta’ impjieg alternattiv ta’ JobsPlus biex b’hekk, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma ma jkollhiex għalfejn tagħmel sejħa pubblika. The Sunday Times tirrapporta li jekk dawn il-150 jidħlu kollha, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se tkun żiedet il-ħaddiema bi 15 fil-mija u l-ispiża fil-pagi tiżdied b’iktar minn €2 miljun fis-sena.

Iżda r-riperkussjonijiet m’humiex biss finanzjarja hekk kif jidher li fir-raba’ distrett, hemm gwerra miftuħa bejn il-kandidati Laburisti.

Tant hu hekk, li kandidat li tkellem mal-gazzetta Sunday Times qal li nies mis-Segretarjat ta’ Konrad Mizzi qed iċemplu lil kostitwenti biex joffrulhom servizzi mill-Ministeru, inkluż postijiet tax-xogħol. Dan wassal biex diversi kandidati qed jilmentaw mal-Prim Ministru dwar l-aġir ta’ Mizzi imma sa issa, bħalma qed jiġri wara l-iskandlu tal-Panama Papers, Joseph Muscat qed jagħlaq għajnejh.

Fl-elezzjoni li għaddiet, Konrad Mizzi kien elett mir-raba’ distrett flimkien mal-Ministru Chris Fearne u d-Deputati Etienne Grech u Silvio Parnis.

Skont l-aħħar stħarriġ, hu diffiċli ħafna li l-Partit Laburista jerġa’ jtella’ erba’ kandidati minn dan id-distrett u x’aktarx se jkun Silvio Parnis li se jitlef postu. Ironikament, Parnis hu l-iktar kandidat li ilu jiġi elett mir-raba’ distrett, preċiżament mill-1998.