Rugby Sport

L-Ingilterra jiċċelebraw ir-rebħ tas-Six Nations b’telfa mal-Irlanda

L-Ingilterra fallew milli jirbħu s-Six Nations bi Grand Slam

L-Irlanda ċaħħdu lill-Ingilterra milli jiksbu żewġ Grand Slams konsekuttivi b’rebħa tajba ta’ 13-9 fl-Aviva Stadium ta’ Dublin ilbieraħ. F’partita missielta, kien Iain Henderson li skorja l-unika try tal-partita, b’Jonathan Sexton jagħmel il-conversion u jiskorja żewġ penalties, biex ċaħħad ukoll ir-rekord ta’ 19-il rebħa konsekuttiva tal-Ingilterra.

L-Ingliżi ftit kellhom okkażjonijiet, hekk kif l-Irlanda kienu veloċi biex jagħlqu kull spazju fid-difiża, bl-Ingilterra jiskorjaw biss minn tliet penalties ta’ Owen Farrell.

L-Irlanda kellhom bidla meta Jamie Heaslip weġġa’ qabel il-partita, iżda l-flanker Peter O’Mahony kellu ċ-ċans li jispikka, b’CJ Stander imur fil-pożizzjoni ta’ No.8. It-tim Irlandiż lagħab kien determinat li jpatti għat-telfiet kontra l-Iskozja u Wales.

Sexton fetaħ l-iskor b’penalty fl-10 minuta, iżda tmien minuti wara, Farrell ġab id-draw, sakemm l-Irlanda skorjaw l-unika try tal-logħba fl-24 minuta. Minkejja li ddominaw il-pussess u t-territorju, l-Irlanda daħlu jistrieħu biss 10-3 minn fuq.

Fit-tieni taqsima, Farrell u Sexton skorjaw penalty kull wieħed, biex il-plejer Ingliż skorja t-tielet penalty għat-tim tiegħu biex naqqas l-iżvantaġġ għal erba’ punti bi 15-il minuta għat-tmiem il-logħba.

L-Ingilterra kellhom diversi tentattivi, iżda l-Irlanda ddefendew bil-għaqal, u minkejja li l-Ingilterra rebħu xorta s-Six Nations, l-Irlanda ċaħħdu lill-Ingilterra minn Grand Slam filwaqt li tawhom l-ewwel telfa taħt it-tmexxija ta’ Eddie Jones.

Rebħa drammatika għal Franza

F’partita oħra missielta, f’Pariġi, Franza għelbu lil Wales 20-18 bi try u conversion fil-100 minuta. Il-ħin żejjed fil-partita baqa’ għaddej b’20 minuta, b’Franza jagħmlu assedju fuq id-difiża avversarja, b’Damien Chouly jiskorja try, b’Camille Lopez jiskorja t-try conversion minn pożizzjoni favorevoli u jagħti rebħa prezzjuża lil Franza.

Sitt penalties ta’ Leighton Halfpenny dehru li setgħu taw ir-rebħa lil Wales, iżda t-tamiet tagħhom li jassiguraw post mal-ewwel erbgħa fid-dinja qabel il-poloz tat-Tazza tad-Dinja fil-Ġappun, ħadu daqqa ta’ ħarta, fi tmiem mimli emozzjoni.

Sterling to score, Manchester City to win, BTTS and Can to be cardedFranza kienu 10 punti vantaġġ wara kwarta logħob, permezz ta’ try ta’ Remi Lamerat u conversion u penalty ta’ Lopez. Iżda minn dak il-ħin sal-aħħar sekondi tal-logħba, skorjaw biss penalty ta’ Lopez.

Wales kienu kompetittivi fid-daħliet u preċiżi fid-difiża biex ċaħħdu lill-Franċiżi minn azzjonijiet veloċi. Bil-pussess u t-territorju li kellhom, Franza setgħu għamlu ħafna aħjar, iżda Wales bdew iġiegħlu lill-Franċiżi jikbru fil-frustrazzjoni u n-nuqqas ta’ dixxiplina.

Iżda finalment, Franza rnexxielhom jiksbu r-rebħa f’azzjoni twila li fiha b’Chouly jirnexxielu jpoġġi l-ballun wara l-linja biex ġab id-draw, biex Camille Lopez minn pożizzjoni ċentrali, skorja l-conversion.

L-Iskozja tagħlaq bi tliet rebħiet

L-Iskozja rritornaw għar-rebħ meta kisbu wkoll bonus point f’rebħa ta’ 29-0 fuq l-Italja f’darhom. F’dan it-tournament, l-Iskoċċiżi kisbu rebħiet tajbin kontra l-Irlanda u Wales, iżda t-telfa kbira kontra l-Ingilterra reġgħet poġġiethom f’posthom.

Iżda tries minn Finn Russell, Matt Scott, Tim Visser u Tommy Seymour fissru li d-Dark Blues spiċċaw it-tournament tas-Six Nations bi tliet rebħiet għall-ewwel darba mill-2006. Iżda huma kienu mċaħħda mill-ogħla pożizzjoni minn meta rebħu l-edizzjoni tal-Five Nations, hekk kif ir-rebħiet ta’ Franza u l-Irlanda poġġewhom fir-raba’ post.

Din ir-rebħa fissret ukoll, tislima xierqa lill-kowċ tal-Iskoċċiżi Vern Cotter, li se jħalli l-kariga b’Gregor Townsend jeħodlu postu.