Internazzjonali

L-Istati Uniti: Mumenti ta’ tensjoni għall-White House

Karozza saqet qrib checkpoint tal-Whitehouse b'theddida ta' bomba.

Żdiedet is-sigurtà madwar il-White House, f’Washington, wara li persuna saqet karozza qrib checkpoint fil-viċinanzi tar-residenza uffiċjali tal-President Amerikan, qabel żvelat ‘li kienet fil-pussess ta’ bomba’.

L-aħħar rapporti qalu li l-persuna nżammet taħt arrest u li l-vettura inkwistjoni kienet iddikjarata bħala suspettuża. Dan ukoll waqt li s-servizzi sigrieti ( li jieħdu ħsieb is-sigurtà tal-White House) għalqu minnufih l-aċċess għall-inħawi tal-White House minn diversi toroq.

Fil-ħin tal-inċident, il-President Amerikan, Donald Trump kien qiegħed fir-resort tiegħu fiz-zona ta’ Mar-a-lago ( f’Palm Beach) fi Florida.

Intant, l-inċident kien it-tieni mument ta’ tensjoni għall-White House fi kwistjoni ta’ sigħat meta, aktar qabel, persuna kienet qabżet minn fuq rack tar-roti li jinsab f’buffer zone quddiem ir-residenza tal-President. Il-kelliem għall-White House, Sean Spicer, żvela li din il-persuna ‘ma rnexxilhiex tidħol aktar ‘il ġewwa fl-artijiet quddiem ir-residenza’ waqt li faħħar ‘ir-reazzjoni eċċellenti’ tas-servizzi sigrieti fiċ-ċirkustanzi.