Internazzjonali

Pariġi kalma wara l-attentat fl-ajruport ta’ Orly

In-nies f’Pariġi qed komplew jużaw is-servizzi tal-ajruport ta’ Orly wara l-qtil, nhar is-Sibt, ta’ raġel li kien hedded suldat fl-inħawi tat-terminal, fil-kapitali Franċiża.

L-assalt ta’ nhar is-Sibt mir-raġel ta’ 39 sena identifikat bħala Ziyed Ben Belgacem kien ikkaġuna allert kbir tas-sigurtà u l-għeluq temporanju tat-tieni l-aktar ajruport attiv fil-kapitali Franċiża, fejn spiċċaw tħassru għexieren ta’ titjiriet.

L-aggressur maqtul kien ipponta arma tan-nar għal ras mara mas-servizzi militari u qal li ‘xtaq imut għal Allah’. Dan wara li hu, aktar qabel, kien involut ukoll fi sparatura u l-ħtif ta’ karozza fil-kapitali.

L-aħħar rapporti qalu li qabel mar fl-ajruport ta’ Orly, Belgacem kien ikkuntattja lil missieru u qallu li ħabat difrejh mal-awtoritajiet filwaqt li ‘talab maħfra’. Sar magħruf ukoll li l-aggressur spiċċa radikalizzat meta kien qed jiskonta perjodu ta’ ħabs, tant li spiċċa fuq il-lista ta’ persuni taħt osservazzjoni mill-pulizija Franċiża.

Il-Prosekutur ta’ Pariġi, Francois Molins, fil-fatt ikkonferma mal-midja li Belgacem kellu rekord kriminali twil għal diversi reati li kienu jinvolvu d-droga u serq armat.

L-aġenti tas-servizzi sigrieti Franċiżi, fl-aħħar sigħat, fittxew fir-residenza ta’ Belgacem f’Garges-les-Gonesse, lejn it-Tramuntana ta’ Pariġi iżda ma sabu l-ebda provi konkreti dwar ‘xi simpatiji konkreti mal-gruppi militanti Iżlamiċi’.

Intant, l-investigazzjonijiet qed ikomplu peress li, meta Belgacem ipprova jaħtaf l-arma tas-suldat (waqt li pponta l-arma tiegħu lejn rasha) hu kien għamilha ċara li ‘ried jagħti ħajtu għal Allah f’każ li xi ħadd kellu jħallas b’dan il-mod’. Belgacem, imbagħad, kien qala’ tiri fatali mingħand żewġ suldati li nzertaw fil-viċinanzi, bl-awtoritajiet, aktar tard isibu kopja tal-Koran fuq persuntu.

Il-qraba tal-aggressur spiċċaw interrogati dritt wara l-inċident, fejn il-missier, wara, tkellem mar-radju ta’ Europe 1 u tenna li ibnu ‘ma kienx terrorista, għalkemm kellu l-vizzju tax-xorb’.

Madankollu, hemm l-indikazzjonijiet li l-awtoritajiet qegħdin jibnu l-profil ta’ raġel li kellu l-kuntatti kriminali u li kien ukoll midħla mar-radikali Iżlamiċi.

Fl-istess ħin, l-aħħar drama f’Orly seħħet fi żmien sensittiv ħafna għall-Franċiżi li qegħdin iħejju għall-elezzjonijiet għall-Presidenza ta’ pajjiżhom  li jibdew ix-xahar id-dieħel – bil-pajjiż, bħalissa, jinsab taħt stat ta’ emerġenza.