Formula 1 Sport

Red Bull mhux tajbin biżżejjed biex jirbħu – Max Verstappen

Iż-żagħżugħ Verstappen se jkun qed jibda l-ewwel staġun tiegħu mar-Red Bull

Is-sewwieq żagħżugħ Max Verstappen ikkonċeda li ma jaħsibx li l-karozza l-ġdida tar-Red Bull RB13 jistgħu jisfidaw lil Mercedes u l-Ferrari għal rebħiet fl-istaġun ta’ din is-sena.

Il-karozza l-ġdida, kienet ir-raba’ waħda l-aktar veloċi f’Barcelona fit-testijiet ta’ qabel l-istaġun, qabel Ferrari, Mercedes u Williams. Filwaqt li Red Bull huma mistennija li jkunu parti mill-ewwel tlieta hekk kif jibda l-istaġun, Verstappen jemmen li mhux se jkunu sfidanti mill-bidu.

“Irridu nistennew u naraw kemm verament aħna tajbin. Personalment ma naħsibx li nistgħu nissieltu għar-rebħ tat-tiġrijiet f’dan il-mument. Ħafna affarijiet jistgħu jinbidlu matul l-istaġun, iżda aħna m’aħniex tajbin biżżejjed biex nirbħu.”

Verstappen jemmen li filwaqt li l-pass ta’ Ferrari tjieb komparat mal-2016, jistenna aktar minn Mercedes meta jibda l-istaġun. “Ferrari kien veloċi fl-aħħar snin ukoll. Iżda din is-sena, tista’ tgħid li għamlu progress mis-sena l-oħra u se jissieltu biex jirbħu t-tiġrijiet. Għalina hu diffiċli biex tgħid fejn aħna. Wara l-kwalifiki fl-Awstralja, inkunu nafu l-prestazzjoni tagħna x’inhi,” kompla Verstappen.

L-Olandiż żied jgħid li mhux sejrin l-Awstralja bil-ħsieb li jistgħu jiksbu l-pole position u jemmen li f’dan il-mument il-Ferrari u l-Mercedes jinsabu qabilhom, iżda jittama li jkunu jistgħu jaqbdu r-ritmu, kif għamlu s-sena l-oħra.