Il-Partit Nazzjonalista jemmen tassew f’opportunitajiet indaqs għal kulħadd u se jara li l-bidla li vvutaw għaliha n-nies fl-aħħar elezzjoni jġibha fis-seħħ. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt intervista fuq Radio101 bit-tema ‘Nirnexxu Lkoll Flimkien’.
Huwa qal kif, filwaqt li spiss nisimgħu b’Maltin li jgħamlu suċċess f’pajjiżi oħra, f’pajjiżna stess donnu kulħadd isibha diffiċli biex jimxi ‘l quddiem jekk mhux b’xi intervent minn ministru. Simon Busuttil semma’ kif dalgħodu stess ġie rrapurtat fil-gazzetti li Konrad Mizzi se jqassam 150 job ta’ €15,000 kull wieħed mal-Water Services Corporation għal nies fid-distrett tiegħu. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan imur kontra l-prinċpju ta’ opportunitajiet indaqs għal kulħadd.
Simon Busuttil fakkar kif il-Gvern Laburista tela’ bl-għajta tal-meritokrazija iżda qal li din l-istorja tiżvela xiri ta’ voti b’mod sfaċċat u qiegħda ssir bil-barka ta’ Joseph Muscat innifsu. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-poitika li jemmen fiha huwa hija, għall-kuntrarju, waħda li tiftaħ il-bibien għal kulħadd. Bil-maqlub ta’ dan, żied Simon Busuttil, il-Gvern ta’ Joseph Muscat qed iżomm il-bibien miftuħin biss għall-ftit li huma qrib tiegħu u ta’ xi ministri.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din il-problema tgħodd kemm għal inidividwi kif ukoll għal negozji. Huwa semma’ kif ċerti businesses illum lanqas għadhom jindenjaw rwiehom japplikaw għal tenders tal-Gvern għaliex jafu li dawn ikunu se jingħataw lil min jaqbel lill-persuni fil-Gvern stess. Simon Busuttil qal li llum hemm nuqqas ta’ wità fejn, filwaqt xi uħud qed jilgħabu għan-niżla, il-bqija jridu jilgħabu għat-telgħa.
Simon Busuttil qal li l-każ tat-trasferiment tal-art tal-ITS hija eżempju ċar fost ħafna ta’ dan in-nuqqas ta’ level playing field fejn, anke fid-dinja tan-negozju m’għadekx tista’ tikkompeti b’mod ġust. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jrid politika li toffri opportunità lil kulħadd indaqs. Simon Busuttil qal li, jekk qabel is-sistema ma kienetx perfetta, Joseph Muscat ħadha passi kbar lura.
Nuqqas ta’ ugwaljanza fil-ġustizzja
L-istess nuqqas ta’ ugwaljanza taraha wkoll f’oqsma oħra, sostna Simon Busuttil. Huwa semma’ kif anke l-invetigazzjonijijet tal-Pulizija jsiru skont min inti: bħalissa hemm każ fejn xi nies ammettew traffikar ta’ droga wara li nqabdu f’Għawdex, iżda wara li saret laqgħa fil-preżenza ta’ żewġ politiċi għolja, dawn biddlu l-istatement tagħhom u spiċċaw ma tressqux il-Qorti. Filwaqt li persuni l jinqabdu fi żbalji żgħar jiġu sospiżi minn xogħlhom, jitniżżlu fuq nofs paga, jew jitressqu l-Qorti, min jaf lill-ministru jista’ jeħles ħafif.
Simon Busuttil fakkar ukoll kif il-canvasser li tpoġġa minn Evarist Bartolo f’position of trust u nqabad b’tixħim, għadu ma tressaqx il-Qorti meta l-każ issa ilu li ġie żvelat sitt xhur. Bl-istess mod, huwa fakkar kif il-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni stess ħarġet il-każ ta’ Jimmy Magro li nqabad f’reat kriminali wara li talab commissions. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalsita staqsa x’għandhom speċjali dawn il-persuni minn oħrajn, biex il-liġi u l-ġustizzja ma tgħoddx l-istess għalihom.
Illum qiegħdin ngħixu f’soċjeta fejn il-Gvern qiegħed jagħzel bejn dak u l-ieħor meta jiġi biex japplika l-liġi u l-ġustizzja, qal Simon Busuttil. Huwa qal li l-Gvern ta’ Joseph Muscat għażel li ma jilgħabx fairma’ kulħadd, iżda l-politika tal-Partit Nazzjonalista tassigura li Gvern jimxi b’mod ġust u b’opportunitajiet indaqs għal kulħadd.
Il-korruzzjoni hija pjaga kbira
Simon Busuttil semma’ sondaġġ li juri li 30% tan-nies illum iħossu li l-inkwiet prinċipali tagħhom huwa ll-korruzzjoni, jiġifieri is-sitwazzjoni li ġab il-Gvern ta’ Joseph Muscat issa jaf biha kulħadd qiegħda tħssaeb lill-pajjiż kollu. Il-Kap tal-Partit Nazzjonlista qal li dwar dan jeħtieġ li xi ħadd jagħmel xi ħaġa.
Simon Busuttil qal li mhux vera li n-nies jinteressahom biss li jinqdew huma personalment mingħajr ma jagħtu każ tal-mod kif il-politiċi jkunu qiegħdin imexxu l-pajjiż. Il-Korruzzjoni llum hija pjaga kbira li tolqot direttament il-qalba tal-poter f’Kastilja, qal Simon Busuttil, fejn Konrad Mizzi u Keith Schembri, l-aktar żewġ persuni qrib ta’ Joseph Muscat, inqabdu li kienu fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama. Huwa fakkar li ma’ dawn infetħet ukoll it-tielet waħda li dwarha għad nisimgħu aktar sakemm il-verità toħroġ fil-wiċċ.
Il-Kap tal-Partit Nazzjoanlista qal li n-nies issa xebgħu tassew b’din is-sitwazzjoni u qiegħdin ifittxu xi ħaġa differrenti. Simon Busuttil qal li huwa daħal ghal din l-isfida għaliex irid jeqred il-korruzzjoni bl-għeruq u x-xniexel u qal li huwa lest li jibdel anke l-mod kif kienu jsiru l-affarijiet sa issa. Huwa semma’ l-kwistjoni tad-donazzjonijijet lill-partiti politiċi u qal li, minkejja li huwa wera li d-deċiżjonijiet tiegħu ma jiġux influenzat mill-għotjiet tan-nies, xorta waħda jrid li jibdel is-sistema biex jassigura trasparenza mingħand kulħadd.
Bl-sistess mod, huwa qal li wasal iż-żmien li naħsbu bis-serjetà fuq Membri Parlamentari li jkunu full-time u jiffukaw b’mod sħiħ fuq ir-resposabbiltajiet politiċi tagħhom mingħajr dell ta’ dubju fuq il-qliegħ tagħhom. Simon Busuttil qal li Joseph Muscat kien tela’ bl-għajta li jibdel is-sistema iżda minflok huwa żammha, għamilha tiegħu, sfruttaha u qiegħed jabbuża minnha kif naraw mill-iskandli ħerġin wieħed wara l-ieħor.Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jattakka l-problema tal-korruzzjoni bis-serjetà u kien huwa stess li waqqaf kummissjoni indipendenti mmexxija minn Giovanni Bonello biex jibdel is-sistema b’mod radikali.
Simon Busuttil qal li pajjiżna ma’ jiflaħx ħames snin oħra ta’ korruzzjoni u jekk Joseph Muscat jerġa’ jiġi elett se jħoss li jkun ingħata liċenzja biex isir agħar. Huwa qal li l-korruzzjoni ġġib magħha problemi kbar għall-pajjiż u n-nies issa jridu li jkun tassew Gvern alternattiv li jaqta’ ras il-korruzzjoni. Biex isir dan, kompla Simon Busuttil, il-poplu jrid jagħżel il-Partit Nazzjonalista.
Il-Prezz tal-Korruzzjoni jħallsu kulħadd
Il-korruzzjoni, qal Simon Busuttil, taffettwa lil kulħadd anke jekk in-nies forsi ma’ jħossuhiex. Huwa qal li meta l-flus jintużaw biex imorru għand min jippreferi l-Gvern, dawn ikunu qiegħdin jittieħdu mingħand il-familji Malttin. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Gvern immexxi minnu jrid jaqta’ l-korruzzjoni biex ipoġġi flus fejn verament huma meħtieġa: biex jinxtraw mediċini bżonnjużi li jkunu jistgħu jingħataw b’xejn; biex titnaqqas il-kera tal-housing soċjali; biex jappoġja lill-carers li qiegħdin jitħallsu inqas għax jitħaddmu minn kuntrattur.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li Joseph Muscat jonfoq bl-addoċċ, għall-persuni li għandhom spejjeż żejda, bħal dawk li għandhom diżabilità jew li qiegħdin jaħdmu bil-prekarjat, il-Gvern jgħid li m’hemmx flus. Gvern alternattiv immexxi minnu, qal Simon Busuttil, jiżgura li minflok għall-korruzzjoni l-flus imorru biex isostnu lil dawk li huma fil-bżonn u biex jinfetħu opportunitajiet indaqs għal kulħadd.
Il-Partit Nazzjonalista se jġib il-bidla li stennew in-nies
Simon Busuttil qal li huwa jrid iġib il-bidla li n-nies riedu matul dawn l-aħhar ħames snin. Huwa qal li fl-aħhar elezzjoni n-nies ivvutaw biex jibdlu l-mod kif kienu jsiru l-affarijiet u li l-Partit Nazzjonalista ħa lezzjonijiet kbar mir-riżultat ta’ dik l-elezzjoni. Iżda, kompla Simon Busuttil, in-nies ġew traduti minn Joseph Muscat u minflok sabu dak li kienu mwiegħda, sabu eżattament bil-maqlub.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa jrid jagħti Gvern li n-nies jistgħu jserrħu rashom minnu: mingħajr ma jqumu kull filgħodu b’xi każ ġdid ta’ korruzzjoni; mingħajr il-firda politika li reġa’ daħħal Joseph Muscat f’temp ta’ erba’ snin biss; fejn il-poltiċi jkunu hemm għal kulħadd mhux biss għall-ftit. Simon Busuttil qal li huwa jrid pajjiż fejn ħadd ma jibża’ minn xi vendikazzjoni jekk jiftaħ ħalqu, u li ħadd ma jkollu għalfejn jitlaq barra minn Malta biex jagħmel suċċess.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa jrid pajjiż fejn kulħadd jirnexxi mhux għax jaf lil xi ħadd, iżda bil-kapaċitajiet tiegħu stess. Simon Busuttil qal li huwa jrid imexxi Gvern li jiftaħ il-bibien sabiex kulħadd ikun jista’ jimrah u jikber. It-tip ta’ Gvern li l-Partit Nazzjonalista qiegħed joffri, qal Simon Busuttil, huwa wieħed li jerġa’ jagħmlek kburi b’pajjiżek.
//= $special ?>