Lokali

“Super bargain għal skop ta’ spekulazzjoni”

L-investitur li se jiżviluppa l-art tal-ITS qed jaħdem negozju – bejn xiri u bejgħ ta’ appartamenti – b’tali mod li l-bini tal-lukanda jiġih b’xejn

Aġenti tal-proprjetà li tkellmet magħhom il-gazzetta ‘il-mument’ ddikjaraw li dak li għamel il-Gvern tal-Prim Ministru Joseph Muscat fil-bejgħ ta’ art massiċċa f’San Ġiljan lill-Grupp DB hu skandaluż għaliex din il-biċċa negozju tista’ tissejjaħ bħala “super bargain għal skop preċiż ta’ spekulazzjoni.”

Dawn l-aġenti qalu li qatt fl-istorja ta’ pajjiżna ma kien hawn gvern li minn wara dahar kulħadd innegozja art enormi ta’ 24,000 metru kwadru bl-iskop li partijiet kbar minnha jkunu żviluppati u mibjugħa lil terzi persuni biex isir qligħ kbir minnha.

“F’din l-art inpartikulari qed nassistu għal negozjant li jieħu mingħand il-Gvern preżenti art ta’ 24,000 metru kwadru b’ċens għal 99 sena meta fil-fatt l-art li se tkun qed tinbiegħ lill-privat, se tkun qed tinbiegħ darba għal dejjem u qatt mhi se tkun ritornata lill-Gvern.”

Dawn l-aġenti tal-proprjetà żiedu li mill-mod kif qed isir in-negozju, l-investitur ta’ din l-art – bejn ix-xiri għal prezz redikolu mingħand il-Gvern u l-mod kif se jkun qiegħed ibigħ l-appartamenti – se jkun qed jagħmel l-iżvilupp tal-lukanda b’tali mod li mhu se jkun qed joħroġ l-ebda ewro mill-but. “Iva, il-bini tal-lukanda bil-mod kif qed isir dan in-negozju, se jiġi totalment b’xejn għall-investitur.”

Huma rrimarkaw ukoll li l-art ta’ 24,000 metru kwadru tinsab fil-qalba ta’ San Ġiljan, f’zona mill-isbaħ u f’waħda mill-aktar partijiet sbieħ tal-gżejjer Maltin. “Mela jekk din l-art oriġinarjament kienet stmata li tiswa mal-€212-il miljun – u dan skont il-Master Plan – issa wieħed irid janalizza kemm tiswa l-istess biċċa art biex fiha jsir l-iżvilupp propost.”

L-iżvilupp maħsub mill-Grupp DB jaħseb għal zona mdaqqsa li fiha se jinbnew għadd kbir ta’ appartamenti li se jkunu għall-bejgħ. Jekk wieħed jaħdem b’mod xejntifiku u dettaljat is-somom sew ta’ kemm dan il-Grupp DB ħallas għall-art u ta’ kemm se jkun qiegħed ibigħ dawn l-appartamenti, allura l-konklużjoni f’dan l-istadju hi ċara ħafna – l-art li biegħ il-Gvern tiswa ħafna u ħafna aktar mill-€212-il miljun stabbiliti skont il-Master Plan.

Hemm saħansitra fost in-negozjanti u aġenti tal-proprjetà li jemmnu li din l-art – skont il-proposta tal-iżvilupp kif saret mill-Grupp DB, għandha valur saħansitra mas-€600 miljun. L-art biss.

Imma minflok, il-Gvern, komplew jgħidu l-aġenti tal-proprjetà, għażel li jbigħ din l-art kbira bix-xejn għall-prezz redikolu ta’ €15-il miljun. “Dan hu serq fil-wiċċ għal kull min iħallas it-taxxa f’pajjiżna. Il-Gvern għamel għażla ċara ħafna – dik li jagħmel deal super bargain mal-Grupp DB li mill-art se jagħmel proġett qawwi ta’ spekulazzjoni.”

L-istess aġenti tal-proprjetà komplew li z-zona fejn se jsir dan il-proġett kbir iġġib ħafna flus. “Kull appartament li jinbiegħ f’din iz-zona jġib flus tajba. Jekk appartament f’din iz-zona fih mal-200 metru kwadru ta’ spazju, allura faċilment jista’ jġib il-prezz ta’ €1,000,000.

Issa f’dan in-negozju bejn il-Gvern u l-Grupp DB jirriżulta li parti sew mill-iżvilupp jaħseb għal żvilupp ta’ zona residenzjali u qed jingħad li jekk l-iżviluppaturi jingħataw il-permess li jibnu 209 appartamenti – u dan mhux skont il-pjan lokali – allura li se jkun qed jiġri hu li għal kull appartament mibni l-Gvern se jkun daħħal biss mas-€70,000.

Issa mbagħad hemm l-argument ta’ kemm se jonfoq l-iżviluppatur biex jibni kull appartament f’din iz-zona residenzjali u jista’ jonfoq mal-€200,000 biex jagħmel dawn l-appartamenti lesti minn kollox u tal-aqwa kwalità. Wara dan kollu u skont il-prezzijiet fl-inħawi, kull appartament jinbiegħ għal xi €1,000,000. Mela meta wieħed jagħmel il-kalkoli mill-ewwel se jasal għall-konklużjoni li minn kull appartament id-DB Grupp se jkun qed jagħmel mat-€800,000 fi qligħ!

In-negozjanti li tkellmu ma’ il-mument saħqu li meta wieħed jara dawn is-somom kollha jibqa’ mbellah kif il-Gvern ikkonkluda negozju b’dan il-mod skandaluż. “Il-Gvern tant kien konxju minn dak li kien qed ibażwar, li lanqas biss kellu d-deċenza jmur quddiem il-Parlament u jiddiskuti ħaġa sensittiva daqstant li hi tal-poplu Malti kollu. Imma għażel li jagħmel kollox – sintomatika tiegħu – bil-moħbi u minn wara dahar in-nies.”

Saret ukoll referenza għall-kumpanija Deloitte li ssemmiet dwar dan il-proġett u l-aġenti tal-proprjetà, b’rabja qalu li huma biss il-periti li jistgħu jevalwaw l-art u l-prezz tagħha. “Huma biss il-periti li huma awtorizzati biex jivvalutaw il-proprjetà. L-ebda kumpanija, l-ebda awditur, l-ebda żviluppatur u l-ebda kumpanija fir-real estate ma għandha l-awtorizzazzjoni li tivvaluta l-art. Id-Deloitte għamlet biss feasebility study tal-proġett u mhux valutazzjoni tal-art.”

Fil-verità, komplew dawk li tkellmu ma’ il-mument, il-valur veru tal-art messu ħareġ skont ir-real terms tal-art li joħroġ mill-Pjan Lokali u hekk kif approvat mill-Parlament. Hekk kellu jinħareġ il-potenzjal f’termini ta’ kemm tista’ tiswa din l-art li hi mitqlu deheb.

In-negozjanti temmew jifirħu lill-Grupp DB għal dan in-negozju li għamlu mal-Gvern. “Jew dan in-negozju jinten seba’ pesti mill-oriġini tiegħu, jew inkella l-Grupp DB irnexxielu jdaħħal lil Joseph Muscat u lill-Gvern fi xkora li minnha ma jista’ joħroġ qatt… u l-vittma ta’ dan id-deal tqil hu biss il-poplu Malti.”