Il-Pulizija għadhom ma sejħux għall-Ministru Evarist Bartolo biex jistaqsuh dwar l-iskandlu tal-korruzzjoni fil-bini tal-iskejjel ġodda, skandlu li jinvolvi lill-kanvaser u ħabib tal-Ministru, Edward Caruana. Minkejja li Evarist Bartolo kien inqabad li kien jaf b’dak li kien għaddej, sa issa, ħafna xhur wara, il-Pulizija għadhom ma sejħulux. Ma’ NET News hu kkonferma dan.
Edward Caruana kellu jkun investigat mill-Pulizija minħabba allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fil-bini tal-iskejjel ġodda meta dan kien jaħdem fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada. Sa issa, xhur wara li l-iskandlu ħareġ fil-beraħ, għadu mhux magħruf fiex waslu l-investigazzjonijiet tal-Pulizija. “Allaħares inkun naf fiex waslu l-investigazzjoni” qal Evarist Bartolo meta mistoqsi jekk jafx fiex waslu l-investigazzjonijiet.
Edward Caruana kien inħatar fl-FTS bħala person of trust tal-Ministru Evarist Bartolo. NET News irċieva informazzjoni li Caruana qed jgħid ma’ kulħadd li se joħroġ liberu, anke jekk hemm ħafna evidenza, imma l-Ministru Evarist Bartolo qal li ma jistax jikkummenta dwar affarijiet li ma semax, anke jekk NET News jinsab infurmat li sa’ ftit jiem ilu, Edward Caruana deher f’xi attivitajiet tal-Partit Laburista.
Il-korruzzjoni, tixħim u l-mod kif Edward Caruana kien qed jieħu ċekkijiet ta’ eluf kbar Għawdex personalment huma fost l-akkużi li saru fil-konfront tiegħu. Emails u messaġġi żvelati juru kif Evarist Bartolo kien ilu jaf b’dak li kien għaddej sa minn tal-anqas April tas-sena li għaddiet.
Intant, waqt li l-Pulizija għadhom ma sejħux għal Evarist Bartolo, il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar għadu qed jinsisti wkoll li l-anqas fl-iskandlu tal-Panama m’hemm għalfejn jinvestiga lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri.
//= $special ?>