Lokali

FILMAT: Owen Bonnici jsib il-wens tal-ġurnalista tal-ONE biex jaħrab mill-mistoqsija

Owen Bonnici jiġġustifika l-150 partitarju mir-raba' distrett li Konrad Mizzi daħħal mal-Gvern u jgħid li l-'Water Services Corporation għandha l-ħtiġijiet tagħha'

Il-Ministru Owen Bonnici ma weġibx il-mistoqsija ta’ NET News dwar jekk kienx jagħmel bħal Konrad Mizzi u jdaħħal 150 persuna mal-Gvern mid-distrett tiegħu sena qabel l-elezzjoni.

“Int qed tgħid li dawn in-nies huma minn distrett partikolari. Jiena konvint li dan mhux il-każ” qal il-Ministru Owen Bonnici lil NET News. Imma mistoqsi jekk hu kienx jagħmel l-istess, Owen Bonnici għażel ma jweġibx. Minkejja li provajna nistaqsu l-mistoqsija għat-tieni darba, Owen Bonnici temm il-konferenza u mar isib il-wens tal-ġurnalista tas-Super One biex ikun jista’ jaħrab mill-mistoqsijiet ta’ NET News.

Aktar kmieni, Owen Bonnici l-anqas ma kien kapaċi jgħidilna x’irwol se jkollhom dawn il-150 persuna ġdida mal-Water Services Corporation (WSC). “Naf li l-Water Services Corporation għandha l-ħtiġijiet tagħha” qalilna aktar kmieni l-Ministru. “Imma kemm huma dawk il-ħtiġijiet u kemm hemm bżonn jiġu impjegati persuni biex jaqdu dawk il-ħtiġijiet, dik hija xi ħaġa li l-Water Services tista’ ttik id-dettalji”, żied jgħid.

L-istorja li Konrad Mizzi daħħal 150 partitarju mid-distrett tiegħu jaħdmu mal-Gvern kienet żvelata l-Ħadd mill-gazzetta The Sunday Times of Malta. Il-ħaddiema li ddaħħlu mal-Gvern huma mill-Fgura, Raħal Ġdid, Santa Luċija u Ħal Tarxien, li jagħmlu parti mid-distrett elettorali tal-Ministru Kornad Mizzi. Distrett fejn kollox jindika li hemm gwerra miftuħa bejn il-kandidati Laburisti.