– Il-Prim Ministru Joseph Muscat
Il-Prim Ministru Joseph Muscat iddikjara fil-parlament li l-pożizzjoni tal-Gvern Malti għall-futur tal-UE hi li din tkun unjoni b’veloċitajiet differenti dwar l-avvanzi tal-pajjiżi membri.
Din il-pożizzjoni l-Prim Ministru espremieha meta llejla għamel stqarrija ministerjali dwar il-Kunsill tal-Ministri tal-ġimgħa li għaddiet. Fi tmiem l-istqarrija ministerjal l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil għamel diversi mistoqsijiet lill-Prim Ministru.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem dwar it-Trattat ta’ Ruma li sar 60 sena ilu u qal li dan kien il-bidu tal-ħoqlien tal-Komunità Ekonomika Ewropea li wara saret l-UE. Hu staqsa x’inhi l-viżjoni tal-Prim Ministru dwar il-futur tal-UE u liema toroq jippreferi.
Dwar Donald Tusk, il-Kap tal-Oppożizzjoni staqsa x’kienet il-pożizzjoni tal-Prim Ministru dwar il-ħatra ta’ Tusk. Dan minħabba li l-Prim Ministru kien rapportat li qal li hemm wisq deputati tal-PPE li jokkupaw karigi fl-UE. Dan jinftiehem li l-Prim Ministru ma kinx qed jappoġġja lil Donald Tusk.
Dwar Brexit, Simon Busuttil qal li d-deċiżjoni tar-Renju Unit li jibda l-proċess biex joħroġ mill-UE hi ta’ dieqa iżda trid tkun rispettata. Minkejja din il-pożizzjoni hemm numru ta’ pajjiżi li jridu jidħlu fl-UE.
Hu staqsa lill-Prim Minsitru dwar il-pożizzjoni tiegħu fil-kuntest tat-terminu u tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit.
Simon Busuttil semma t-Turkija u qal li kulħadd kien ixxukkjat bil-kontroversja bejn it-Turkija u diversi pajjiżi Ewropej fosthom il-Ġermanja u l-Olanda. Hu staqsa lill-Prim Ministru jekk is-summit iddiskutiex il-kwsitjoni bejn l-UE u t-Turkija minħabba li l-kontroversji qed jiskalaw.
Simon Busuttil ħabbar li l-ġimgħa d-dieħla se jiltaqa’ l-Kungress tal-PPE f’Malta. Din hi l-ewwel darba li l-PPE se jlaqqa’ l-Kungress tiegħu f’Malta li għalih se jattendu iktar minn 1,000 delegat. Il-PN hu kburi li se jilqa’ dan il-Kungres.
Meta wieġeb, il-Prim Ministru beda billi awgura suċċess lill-PN fl-organizzazzjoni tal-Kungress tal-PPE.
Il-Prim Ministru wieġeb dwar Donald Tusk u qal li hu appoġġja lil Tusk tant li ġabar il-kunsens meħtieġ favurih. Hu qal li Tusk ma kellux jispiċċa vittma taċ-ċirkostanzi minħabba li kull kariga fl-UE hi okkupata mill-PPE. Is-Soċjalisti qablu li din ma kellhiex tkun l-istrateġija għalkemm jemmnu fil-bilanċ għaliex is-sitwazzjoni kif inhi mhix ta’ ġid.
Dwar il-white paper tal-Kummissjoni Ewropea li tat ħames tipi ta’ toroq għall-iżvilupp tal-UE, Joseph Muscat qal li hu jemmen f’Ewropa b’veloċitajiet differenti u qal li din hi xi ħaġa li diġà qed isseħħ.
L-iktar reżistenza għal dan fil-fatt ġejja minn pajjiżi tal-Lvant li qed jgħidu li din tista’ tkun skuża biex jitħallew barra minn ċertu avvanzi. Pajjiżi li jridu jagħmlu avvanz għandhom jagħmlu dan skont kriterji li għalihom iridu jikkwalifikaw il-persuni.
Dwar Brexit, il-Prim Ministru qal li l-ewwel irid ikun hemm diskussjonijiet dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u wara jibdew id-diskussjonijiet dwar ir-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit. Għandu jkun hemm ftehim ukoll dwar il-kont li jrid jitħallas mir-Renju unit biex din toħroġ mill-UE.
Fuq it-Turkija l-Prim Ministru qal li s-summit ma ddiskutiex il-kwistjoni għax ma kinitx għadha tqanqlet. Hu qal li minkejja li l-UE trid l-aqwa relazzonijiet mat-Turkija, ċertu dikjarazzjonijiet li saru minn politiċi Torok ma jistgħux ikunu aċċettati.
//= $special ?>