Lokali Parlament

Il-Ministru Evarist Bartolo għandu jerfa’ r-responsabbiltà għall-iskandli fl-FTS

– George Pullicino, PN

Id-deputat Nazzjonalista George Pullicino sostna li l-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo għandu jerfa’ r-responabbiltà għall-iskandli li qed isiru fl-FTS u għall-fatt li issa għaddew erba’ xhur u l-poplu għadu bla informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet fuq dawn l-iskandli.

Meta kien qed jitkellem fl-Aġġornament tat-Tnejn George Pullicino qal li għaddew erba’ xhur minn meta Philip Rizzo irriżenja minn CEO tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) wara li allega korruzzjoni f’direct orders fl-FTS minn persuna viċin Evarist Bartolo; erba’ xhur minn meta ssemma Edward Caruana magħżul minn Evarist Bartolo.

Jirriżulta li Edward Carauna qassam l-idejn ċekkijiet lill-kuntratturi b’valur ta’ madwar €9 miljuni u ssemma mill-ex CEO tal-FTS bħala dak li abbuża f’direct orders. Caruana hu dak li fl-aħħar xhur bena blokka kbira ta’ appartamenti fir-Rabat u li mhux talli ħadd ma keċċih jew issospendih iżda tawh iċ-ċans li jissospendi lilu nnifsu bil-paga kollha li kellu bħala uffiċjal magħżul fl-FTS.

George Pullicino fakkar li Philip Rizzo kien qal li l-Ministru Bartolo kien kaxkar saqajh biex iżomm milli ttieħed azzjoni kontra Edward Caruana. Meta mistoqsi għaliex, il-Ministru Bartolo qal li ried iktar informazzjoni. F’dan il-każ il-Ministru Bartolo deċieda li jagħmel lilu nnfisu investigatur.

Il-każ ta’ Caruana ma ssemiex is-sena li għaddiet iżda fl-2015 meta kuntrattur Għawdxi qal li kien miltub jagħti flus lill-istess Edward Caruana. Għal dan il-kuntrattur ħadd ma ppropona whistle blower anzi f’Jannar ittella’ l-qorti mill-pulizija akkużat li mmalafama lil Edward Caruana.

Il-bozza l-ħamra kienet ilha li xegħlet u l-Ministru Bartolo kellu twissijiet biex jinvestiga mingħand kuntrattur li tkellem. Minkejja dan, il-Ministru Bratolo baqa’ jgħid li jrid iktar informazzjoni.

Wara erba’ xhur hawn skiet perfett mill-pulizija u mill-IAID.
George Pullicino staqsa f’hix waslet l-investigazzjoni tal-pulizija u semma li ġew falsifikati karti marbuta ma’ direct orders. Hu staqsa jekk hux jinstabu każijiet fejn l-ammonti ordnati ma jikkorispondux ma’ dak ordnat, fosthom dwar bibien ordnati żejda, dwar fejn mar materjal żejjed ordnat u mħallas mill-fondi pubbliċi tal-FTS, min irċieva ċekkijiet bl-idejn mngħand Caruana u jekk kinx ipprovdut materjal u fejn kien pprovdut. Hu qal li jispera li m’hemmx xi ħadd li qed ikaxkar saqajh biex forsi Caruana jilħaq ibigħ l-appartamenti fir-Rabat.

George Pullicino kompla li l-ewwel tkakxir tas-saqajn sar biex tipprova tinstab informazzjoni dwar Caruana u issa jidher li hemm min qed itawwal biex issir l-investigazzjoni li twassal biex jittieħdu passi mill-pulizija.

George Pulliicno semma l-każ tal-madum fl-iskola tal-Ħandaq fejn kontra l-parir tat-tekniċi tal-FTS, il-kumpanija ma ħaqqhiex tingħażel ħadet €1 miljun minflok E500,000. Dan b’deċiżjoni tal-Ministru Evarist Brrtolo minkejja li kellu quddiemu fatti miktuba u pariri tan-nies tekniċi biex ma jsirx hekk.

Issa sar magħruf li l-IAID qabbdet quantity surveyor u b’kumbinazzjoni tqabbad persuna li sa ftit ilu kien impjegat tal-FTS. Dan hu konflitt ta’ interess ċar, sostna Pullicino, li qal li dan hu Mark Anthony Dbeono. Hu qal li jistenna li l-IAID tneħħi lil Debono b’mod immedjat u tagħżel surveyor indipendenti biex l-investigazzjoni tkun serja.

Hu qal li l-IAID għandu tinvestiga wkoll kif fil-31 ta’ Jannar 2017 l-FTS ħarġet sejħa għas-servizzi ta’ periti fejn intqal li sa ftit ġranet wara jridu jibgħatu email liċ-Chairman bl-interess tagħhom. Hu staqsa għaliex is-sejħa ma ħarġitx bil-proċeduri skont il-Kumitat tal-Kuntratti u jekk dan hux eċerċizzju finta għaliex il-periti diġà tqabbdu fuq proġetti. Jirriżulta wkoll li l-FTS ħallset lil ħafna periti li tħallsu konuslenzi iżda mhux magħruf fuq liema porġetti.

Hu qal li f’sena waħda persuna viċin Edward Caruana tħallas b’direct order €43,000. Min ta din id-direct order u fuq liema xogħol tħallas? staqsa George Pullicino.

Id-deputat Nazzjonalista qal li fl-FTS, bl-involviment jew le tal-Ministeru għaddejjin numru ta’ skandli kbar u iżgħar iżda serji għax jinvolvu flus in-nies.

Jirriżulta li ngħatat direct order lill-kumpanija Green Isles b’valur ta’ €40,000 biex jitpoġġew erba’ xtieli fi skola. Dan ifisser li tħallsu E10,000 għal kull xitla fi ftit metri fl-iskola tal-Gżira. Dan meta l-valur ta’ dawn ix-xtieli hu mijiet u mhux €10,000 għal kull xitla.

George Pullicino qal li kien hemm pjan biex jintefqu €5 miljuni għal xtieli li jitpoġġew mal-white board fil-klassijiet madwar il-pajjiż għax qalu li dawn jagħtu l-ossiġnu!

Min ta l-istruzzjonijiet biex jitħallsu l-flus? Min għand min ġiet l-ordni għal din id-direct order? staqsa Pullicino li qal li xi ħadd fl-FTS kellu d-diċenza jgħid li dan hu serq għaliex il-ħlas li kellu jsir kien ta’ €4,000 u għalhekk twaqqaf.

Fl-FTS hemm ġirja sfernata biex min iwaqqaf l-abbuż jitwarrab u min jabbuża jibqa’ għaddej. Kien hemm 11-il persuna fl-FTS fosthom tekniċi li telqu għax dejquhom biex jitilqu. Qed jitilqu nies tajbin li mhux lesti jaraw il-ħmieġ quddiem għajnejhom. Dan kollu sar taħt il-Ministru Evarist Bartolo, li għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika ta’ dan kollu u jittieħdu l-assi b’ġustizzja u responsabbiltà.

Ikkummenta