L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Players tal-Football illum iltaqgħet mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fejn matulha kienu diskussi suġġetti marbuta mal-logħba tal-football f’Malta.
Simon Busuttil laqa’ d-delegazzjoni tal-MFPA, immexxija mis-Segretarju Ġenerali Carlo Mamo flimkien mal-eks plejer Konrad Sultana u l-plejer Mark Barbara, tkellmu wkoll dwar il-petizzjoni mibdija mill-Assoċjazzjoni fejn qed jintalab li jieqaf il-ħlas ta’ miżata għat-trasferiment ta’ plejers tfal bejn it-12 u t-18-il sena minn nursery għal oħra.
Sa issa, inġabru iktar minn 2,000 firma.
Carlo Mamo qal li l-assoċjazzjoni tifhem li n-nurseries ikollhom l-ispejjeż tagħhom, madanakollu, il-familji mhux dejjem jifilħu għal din l-ispiża u l-assoċjazzjoni qed tikkampanja sabiex ikun hemm sistema iktar trasparenti.
Il-membri tal-Assoċjazzjoni awguraw lill-Kap tal-PN fl-okkażjoni ta’ għeluq sninu u minflok rigal, l-Assoċjazzjoni għamlet għotja ta’ €250 lil Caritas Malta f’isem Simon Busuttil.
Il-Kap tal-PN kien akkumpanjat mill-Kelliem għaż-Żagħżagħ u Sport David Agius u l-kandidat tal-PN Graziella Attard Previ.
//= $special ?>