Sport Sport Ieħor

MAFA – Marsa u Valletta jirbħu qabel il-konfront dirett

Kif mistenni, Marsa St Michael u r-rivali tagħhom Valletta St Pauls kisbu rebħiet komdi fil-partiti tagħhom mill-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA sabiex il-konfront dirett li ser jintlagħab ħmistax oħra għandu jagħti sentenza ċara dwar fejn se jmur il-kampjonat din is-sena.

Marsa qed igawdu tliet punti vantaġġ fuq il-Beltin u għalhekk għal dawn tal-aħħar xejn inqas minn rebħa ma tissodisfahom sabiex jisfurzaw decider għal min jirbaħ it-titlu.

Sadanittant Marsa St Michael ixxalaw u rebħu b’mod konvinċenti lil Santa Lucia Falcons bl-iskor ta’ 6-0.
Logħba ddominata mill-bidu sal-aħħar mill-Marsin illi kellhom f’moħħhom illi jiksbu t-tliet punti importanti.
Huma ħadu biss minuta sabiex marru fil-vantaġġ permezz ta’ Robert Perkins illi ħasad lid-difiża tal-Falcons.

Dawn tal-aħħar ftit impenjaw lill-goalkeeper Marsi Sergey Danilov hekk kif id-difiża żammet sew il-ftit okkażjonijiet li ġewhom it-tim minn Santa Lucia.
U għalhekk ma kinitx sorpriża illi Marsa rdoppjaw l-iskor fid-19 –il minuta permezz ta’ Armando Gjepali li xeħet wara l-keeper ta’ Santa Lucia Falcons.

Qabel tmiem l-ewwel taqsima, il-Marsin skorjaw it-tielet wieħed grazzi għall-gowl ta’ Aaron Hili.
Fit-tieni taqsima, il-pjan tal-logħba qajla nbidel tant illi St Michael żiedu l-vantaġġ b’gowls ta’ Ricardo Severino, George Cutajar u Anthony Bonello.
Aktar qabel, Valletta St Pauls ukoll sabuha ferm faċli sabiex jegħlbu lil Senglea Gunners bl-iskor ta’ 4-0.

Għat-tieni logħba konsekuttiva, is-Sengleani naqqsu milli jgħaqqdu l-11–il plejer għal dan il-konfront u dan il-fattur għamel il-logħba aktar faċli għal Beltin.
Kellhom jgħaddu 15–il minuta sabiex Valletta St Pauls fetħu l-iskor permezz ta’ Lee Cumbo illi skorja wara azzjoni veloċi Beltija.

Minkejja l-attakki kontinwi tas-St Pauls, l-iskor sa tmiem l-ewwel taqsima baqa’ dak ta’ 1-0.
Madankollu fit-tieni taqsima, il-Beltin ħarġu ferm aggressivi u determinati illi jżidu l-vantaġġ tagħhom u rnexxielhom jagħmlu dan fi tliet okkażjonijiet grazzi għal gowls ta’ Malcolm Marmara fis-37 minuta, Denis di Maio fil-41 minuta u Karl Giglio fit-58 minuta.

B’hekk issa kulħadd qed jistenna l-konfront deċiżiv fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika bejn Valletta St Pauls u Marsa St Michael li ser jintlagħab nhar is-Sibt 1 ta’April bil-logħba tibda fis-2.30pm fil-grawnd ta’ Santa Lucija.

Klassifika
L-Ewwel Diviżjoni
Marsa St Michael 30, Valletta St Pauls 27, Senglea Gunners 14, Santa Lucia Falcons 9
It-Tieni Diviżjoni
Qormi Hotspurs 12, Fleur de Lys CFK 11, Tal-Qroqq Versity, Valletta Stars 8, Mqabba Albions 7