Il-gowlkiper ta’ Bayern Munich Manuel Neuer kien kostrett iħalli l-iskwadra ta’ pajjiżu minħabba injury fil-pexxul. Il-Ġermanja se tilgħab logħba ta’ ħbiberija kontra l-Ingilterra u wara tkun impenjata f’logħba valida mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja kontra l-Ażerbajġan.
Se jkun il-gowlkiper ta’ PSG Kevin Trapp li jieħu post Neuer. Jekk Trapp ikun involut fil-logħba kontra l-Ingilterra jew kontra l-Ażerbaġjan din tkun l-ewwel darba li dan ikun qed jilgħab mat-tim nazzjonali tal-kbar.
Il-konfront kontra l-Ingilterra se jkun għada filwaqt li erbat ijiem wara l-Ġermaniżi jilagħbu f’Baku.
Fil-logħba ta’ għada f’Dortmund se jkun qed jilgħab l-aħħar logħba tiegħu mat-tim nazzjonali l-attakkant Ġermaniż Lukas Podolski. Dan kien irtira minn man-nazzjonal sena ilu imma l-kowċ Joachim Loew sejjaħlu biex ikun involut fil-logħba kontra l-Ingliżi li għalih se tkun tislima kif jixraqlu dan il-plejer ta’ 31 sena li mal-Ġermanja lagħab 148 darba. Mal-Ġermanja hu skurja 48 gowl.
Issa l-kowċ Loew għandu biċċa xogħol iebsa biex isib attakkant li jimla kemm il-vojt ta’ Podolski u anke ta’ Miroslav Klose. Dan tal-aħħar hu l-aqwa skorer fl-istorja tal-Ġermanja u kien irtira fl-2014 wara li l-Ġermanja rebħu t-Tazza tad-Dinja.
Minn dakinhar ‘l hawn Loew ma sabx dak l-attakkant perikoluż daqs Klose.
Hu sejjaħ għall-ewwel darba lill-attakkant Timo Werner, plejer li qed jattira interess kbir minn diversi klabbs Ewropej grazzi għall-wirjiet li qed ikollu ma’ Leipzig. S’issa hu skurja 14-il gowl ma’ dan it-tim li għadu kemm ġie promoss fil-Bundesliga.
Loew qed jittama li Werner ikun wieħed mill-aktar plejers utli għat-tim hekk kif is-sajf li ġej il-Ġermanja se tkun involuta fit-Tazza tal-Konfederazzjonijiet.
Nhar il-Ħadd li għadda l-Ġermanja umbagħad tilgħab kontra l-Ażerbajġan.
Sagna indisponibbli
Id-difensur Bacary Sagna wkoll kellu jirtira mit-tim nazzjonali Franċiż wara li naqas milli jirkupra mill-injury fil-groin li sofra fil-logħba miċ-Champions League bejn Manchester City u Monaco. Minkejja li nhar il-Ħadd li għadda hu lagħab għal 25 minuta kontra Liverpool xorta waħda tħalla barra mill-iskwadra Franċiża li nhar is-Sibt li tilgħab logħba mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja kontra l-Lussemburgu u logħba ta’ ħbiberija kontra Spanja.
Ta’ min jiftakar li Franza diġà se jkollhom jgħaddu mingħajr il-midfielder ta’ Manchester Utd Paul Pogba li hu mweġġa’ u li minfloku ġie mgħajjat Tiemoue Bakayoko.
Icardi jibqa’ jkun eskluż
L-attakkant ta’ Inter Mauro Icardi reġa’ ġie eskluż mit-tim nazzjonali tal-Arġentina. Dan minkejja l-istaġun mill-aqwa li qed ikollu ma’ Inter fejn s’issa skurja 20 gowl fil-kampjonat Taljan.
Matul il-karriera tiegħu Icardi ġie mgħajjat darba biss mal-Arġentina imma ġeneralment ikunu plejers oħra bħal Aguero, Tevez, Higuain u Messi li jilagħbu minfloku.
Buza spjega li lill-Icardi diġà qallu li jekk iweġġa’ xi ħadd minn Pratto jew Higuain hu jkun l-ewwel plejer li jkun mgħajjat biex jimla l-post vakant.
Nhar il-Ħamis li ġej l-Arġentina tkompli bl-impenji tagħha fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja b’logħba diffiċli kontra ċ-Ċili. Bauza qali li minbarra l-logħba taċ-Ċili għadu ma jafx jekk hux se jsejjaħ lil Icardi għal logħba tad-9 ta’ Ġunju kontra l-Brażil, logħba ta’ ħbiberija li se tintlagħab fl-Awstralja.