Lokali

Protest ġudizzjarju kontra Joseph Muscat u Chris Cardona minħabba diskriminazzjoni

Il-Federazzjoni Maltija tal-Koperattivi tgħid li qed tiġi ddiskriminata meta ma tiġix allokata fondi bħal ma jiġu allokati fondi lill-federazzjoni l-oħra tal-koperattivi

Il-Federazzjoni Maltija tal-Koperattivi fetħet protest ġudizzjarju kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona minħabba diskriminazzjoni fl-għoti ta’ fondi tal-Gvern. Il-protest ġudizzjarju nfetaħ ukoll kontra l-Bord tal-Koperattivi, il-Fond Ċentrali tal-Koperattivi, l-Awditur Ġenerali u ‘Koperattivi Malta’.

Il-Federazzjoni Maltija tal-Koperattivi (MCF) qed tilmenta li l-Gvern, permezz tal-istrutturi tiegħu, qed jiddiskrimina mal-Federazzjoni meta ma jallokax fondi apposta għall-koperattivi. Min-naħa l-oħra, kull sena, il-Gvern qed jalloka fondi lill-federazzjoni l-oħra tal-koperattivi: Koperattivi Malta.

Il-Federazzjoni Maltija tal-Koperattivi twaqqfet fl-2012, u qed tinsisti li minkejja diversi attentati biex din is-sitwazzjoni diskriminatorja tkun solvuta, sa issa għad ma kienx irreġistrat titjib fis-sitwazzjoni, u kien għalekk li ddeċidiet li tiftaħ il-protest ġudizzjarju.

Il-Federazzjoni qed tgħid li n-nuqqas tal-Gvern li jallokalha l-fondi huwa att deliberat ta’ diskriminazzjoni lejha u lejn il-membri tagħha. U dan minkejja l-fatt li l-Federazzjoni Maltija tal-Koperattivi tikkontribwixxi mal-40% tal-flus kollha li jidħlu fil-Fond Ċentrali tal-Koperattivi.

Fil-protest ġudizzjarju, il-Federazzjoni Maltija tal-Koperattivi titlob li l-Gvern u l-entitajiet l-oħra responsabbli biex minnufih iwaqqfu dan l-aġir ‘illegali u diskriminatorju’ billi jibdew jallokawlha l-fondi biex tkun tista’ tilħaq l-għanijiet tagħha.