Grupp ta’ żgħażagħ ta’ BirdLife Malta, Falko, li nhar il-Ħadd 19 ta’ Marzu kienu waqt mixja
f’Għawdex, kien iffaċċjat minn nassab li għatta wiċċu u hedded li jgara ġebla lejhom wara li dawn innutaw mansab illegali tal-għasafar tal-għana fuq l-irdumijiet f’Ta’ Sanap – sit Natura 2000 fil-Munxar.
Jirriżulta li n-nassab irreaġixxa b’dan il-mod għaliex l-istaġun tal-insib huwa magħluq u fir-rebbiegħa mhux permess insib. Minkejja dan ilbieraħ il-Kumitat Kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS) stqarr li sab ħafna mnasab tul il-kosta li xorta jinsabu attivi f’dan il-perjodu.
Fi stħarriġ mill-ajru li sar il-ġimgħa l-oħra mill-istess għaqda f’nofstanhar wieħed ġew osservati rekord ta’ 133 mansab attiv, bl-akbar ammont ikun f’Għawdex. Il-CABS qalet li dan hu d-doppju tas-sena li għaddiet u ħabbret ukoll li tressaq ilment formali kontra Malta mal-Kummissjoni Ewropea dwar “tolleranza de facto ta’ nsib illegali tal-għasafar tul ir-rebbiegħa”.
BirdLife Malta ħabbret li l-Ħadd ukoll, daħlulha rapporti ta’ nsib illegali f’Ħal Għargħur, Bengħajsa, il-Qrendi, l-inħawi tal-Munxar fil-Bajja ta’ San Tumas u l-Imtaħleb, imma b’rispons għal dawn l-illegalitajiet kollha ntbagħtet biss karozza waħda tal-pulizija tal-Administrative Law Enforcement (ALE).
B’reazzjoni għal dan, BirdLife Malta ddikjarat li “f’dawn iċ-ċirkostanzi, l-awtoritajiet mhumiex f’pożizzjoni li jinfurzaw il-liġi b’sitwazzjoni redikola ta’ nuqqas kbir ta’ riżorsi u karozza tal-pulizija waħda biss biex tintuża għal Malta u Għawdex kollha għal dan il-għan.”
“Dan iġegħilna nistaqsu jekk il-Gvern għandux ir-rieda li jinforza l-liġi kif wiegħed jew fir-realtà hux qed jagħlaq għajnejh fejn jidħol l-insib illegali tul l-istaġun magħluq,” tkompli l-istqarrija ta’ BirdLife Malta li tenniet il-ħtieġa li titwaqqaf Wildlife Crime Unit li fl-eqqel tal-perjodu tal-passa tkun tista’ tirrispondi mill-ewwel u kif meħtieġ għall-kaċċa u l-insib illegali irrispettivament minn dmirijiet oħra li jista’ jkollu l-Korp tal-Pulizija.
//= $special ?>

