Lokali

FILMAT: “Sitwazzjoni li ma tistax tibqa’ tiġi injorata mill-Gvern”

Il-ħaddiema tal-Awtorita' tax-Xandir jippreżentaw ittra ffirmata lill-Prim Ministru u Membri Parlamentari.

Il-UĦM-Voice of the Workers llejla, qabel is-seduta Parlamentari li matulha se tkun qed tiġi diskussa l-liġi tal-media u l-malafama, ippreżentat ittra lill-Prim Ministru u lill-Membri Parlamentari dwar is-sitwazzjoni tal-ħaddiema fl-Awtorità tax-Xandir.

Il-ħaddiema tal-Awtorita’ tax-Xandir inġabru quddiem il-Parlament, fejn flimkien mal-Kap Eżekuttiv Josef Vella u membri tal-UĦM Voice of the Workers, qassmu l-ittri ffirmati mill-ħaddiema kollha biex “ikomplu jisħqu dwar is-sitwazzjoni tagħhom fil-post tax-xogħol, sitwazzjoni li trid tiġi indirizzata bla ebda dewmien jew xkiel”.

NET News tkellem ma’ Josef Vella, fejn stqarr li l-Gvern ma jistax jibqa’ jaħrab minn din is-sitwazzjoni, u l-Gvern ta’ Joseph Muscat irid jerfa’ responsabbilta’ għal din id-deċiżjoni tal-ħatra ta’ Tanya Borg Cardona bħala Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir.

Josef Vella kompla billi stqarr li din hi sitwazzjoni bla preċedent, u hu fl-interess ta’ kulħadd li l-Awtorita’ tax-Xandir tkun f’sitwazzjoni stabbli qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Hu u dieħel għas-seduta tal-Parlament, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil stqarr li hu fid-dover tal-Gvern li jipproteġi lill-ħaddiema tal-Awtorita’ tax-Xandir hekk kif din hi entita’ protetta mill-Kostituzzjoni.

Intant waqt is-seduta Parlamentari, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista talab lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jagħti r-reazzjoni tiegħu għall-ittra ta’ appell dirett biex titranġa s-sitwazzjoni li skont l-istess ħaddiema tal-Awtorita’ tax-Xandir hi gravi ħafna – fejn il-Prim Ministru Joseph Muscat irrisponda b’appell biex iż-żewġ naħat jiltaqgħu u jsolvu l-problemi bejniethom – iżda ma kkummentax dwar l-irwol tiegħu f’din il-kwistjoni.