Persuni li jafu lis-Serb Igor Samardziski, il-persuna li f’filmat deher jattakka lil gwardjan lokali, jisħqu li hu kien qed jirritalja wara li kien il-gwardjan lokali stess li attakkah l-ewwel.
Il-każ seħħ it-Tnejn mar-roundabout ta’ bejn in-Naxxar u ż-żona magħrufa bħala Tal-Balal, fejn il-gwardjan lokali kien għassa għall-kontravenzjonijiet. F’filmat li nġibed minn xhud fil-post, jidher is-Serb jagħti bil-ponn lill-gwardjan lokali.
Iżda wara dan il-filmat, fuq il-midja soċjali diversi persuni saħqu li Samardziski, li ilu f’pajjiżna sa mill-1998 u jmexxi kumpaija li timpjega ammont ta’ persuni, kien safa’ attakkat qabel beda jinġibed il-filmat.
Fuq Facebook, persuna kiteb li Igor avviċina lill-gwardjan lokali u qallu biex jieqaf jistaħba wara ħajt lest biex jimmulta lil min jikser il-liġi. Jirriżulta wkoll li waqt li kien qed javviċina lill-gwardjan lokali, igor kien qed jiġbed filmat li allegatament jikxef ukoll min kien l-ewwel li beda jkun agressiv.
Persuni li jafu lis-Serb spjegaw li hu kien għaddej bil-mixi lejn il-post tax-xogħol tiegħu għaliex fil-ġimgħat li ġejjin kellu jieħu sehem f’attivitàbarra minn pajjiżna, jixxabbat ma’ muntanja bl-iskop li jinġabru fondi għall-bini ta’ skejjel lil hinn minn xtutna.
Sadattant Igor Samardziski tressaq il-Qorti t-Tnejn filgħaxija akkużat li ħebb u kkawża ġrieħi gravi lill-gwadrjan lokali, li sofra ksur fi mnieħru. Filwaqt li m’ammettiex l-akkużi kontrih, Samardziski ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €2,000.
//= $special ?>