Futbol Sport

Jispikka l-konfront bejn il-Ġermanja u l-Ingilterra

Rooney tħalla barra mit-tim Ingliż għal kontra l-Ġermanja

Nhar l-Erbgħa jintlagħabu diversi partiti ta’ ħbiberija u l-aktar waħda interessanti se tkun dik bejn il-Ġermanja u l-Ingilterra f’Dortmund.

Iż-żewġ timijiet se jkunu qed jilagħbu din il-logħba bi tħejjija għal logħob li għandhom fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2018.

Fil-fatt, il-Ħadd li ġej l-Ingliżi jilagħbu kontra l-Litwanja f’Wembley u l-Ġermaniż jilagħbu f’Baku kontra l-Ażerbajġan.
Il-logħba kontra l-Ġermaniżi hi waħda partikolari għall-kowċ tal-Ingilterra Gareth Southgate. F’Ġunju tal-1996 fis-semifinali tal-Kampjonat Ewropew l-Ingilterra kienu qed jilagħbu kontra l-Ġermanja u hekk kif il-logħba marret għall-għoti tal-penalties Southgate falla penalty li kien salvat mill-gowlkiper Andreas Kopke. Riżultat ta’ dan l-Ingliżi sfaw eliminati u l-Ġermaniżi baqgħu sejrin biex rebħu t-titlu.
Illum-il ġurnata Kopke hu l-kowċ tal-gowlkipers tat-tim nazzjonali Ġermaniż u b’hekk se jkun qed jerġa’ jiltaqa’ kontra Southgate. Kopke kien inħatar fl-istaff tekniku tat-tim fl-2004.

Kemm għall-Ingilterra kif ukoll għall-Ġermanja din se tkun l-ewwel logħba tas-sena u fl-aħħar konfront tagħhom dawn ġew draw. F’Novembru l-Ingilterra kienet ħaet draw ta’ 0-0 kontra l-Italja filwaqt li l-Ġermaniżi kienu ġew draw 2-2 kontra Spanja.
L-aħħar konfront bejn il-Ġermanja u l-Ingilterra kien f’Marzu tal-2016 meta dakinhar f’Berlin l-Ingliżi rebħu 3-2.

Mill-aħħar 18-il logħba li l-Ġermanja lagħbet f’Dortmund tilfet biss darba, kontra l-Italja fit-Tazza tad-Dinja tal-2006. Fuq in-naħa l-oħra l-Ingilterra tilfu biss darba mis-16-il darba li lagħbu barra minn darhom meta f’Novembru tal-2015 kienu tilfu kontra Spanja.

Għal kontra l-Ġermanja l-Ingliżi se jkunu mingħajr Michail Antonio li rtira minħabba injury fil-hamstring. Andy Carroll, Danny Welbeck, Theo Walcott u l-captain Wayne Rooney kollha ġew esklużi mit-tim ta’ Southgate.

Il-gowlkiper tal-Ġermanja Manuel Neuer se jitlef il-logħba minħabba injury fil-pexxul.

Il-programm
Yemen v Palestina
Filippini v Malasja
Ċipru v Kazakhstan
Rep. Ċeka v Litwanja
Ġermanja v Ingilterra
Skozja v Kanada