Internazzjonali

L-UE: Lejn summit dwar il-Brexit fid-29 ta’ April

L-Istati membri tal-Unjoni Ewropea, fid-29 ta’ April, jiltaqgħu għal summit biex jiddiskutu t-tluq tar-Renju Unit minn mal-Unjoni. Is-summit se jsir proprju xahar wara li r-Renju Unit jattiva l-Artiklu 50 li jippermetti għall-proċess tal-Brexit, bil-laqgħa tal-Unjoni sussegwenti, imbagħad, timmira għal qbil dwar linji gwida li jridu jimxu magħhom in-negozjaturi għall-grupp ta’ Stati Ewropej, taħt it-tmexxija ta’ Michel Barnier.

Il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, qal li l-priorità tas-summit se tkun fuq l-impenn biex ir-residenti u l-Istati membri tal-Unjoni Ewropea jingħataw stampa ċara dwar it-taħditiet tal-futur dwar Brexit.

Intant, il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, fid-29 ta’ Marzu għandha tinnotifika uffiċjalment lill-Unjoni Ewropea dwar l-intenzjoni ta’ pajjiżha biex jitlaq mill-Unjoni. Theresa Mayinfurmat lill-Kabinett f’Londra li pajjiżha jkun qed iwettaq avveniment storiku ladarba jattiva l-Artiklu 50, bir-Renju Unit, skont hi, ‘se jkun qed jiftaħ kapitlu ġdid bħala pajjiż miftuh għal kulħadd fuq livell globali.’

Hi, illum, infurmat lill-Ministri tagħha li l-ittra li hi se tibgħat lil Donald Tusk hi ‘fost l-aktar dokumenti importanti fl-istorja riċenti tar-Renju Unit’ u li l-ittra għandha tiffissa l-bażi għar-relazzjoni ġdida ta’ Londra mal-UE.

Is-summit ta’ April għall-UE – li mhix se tattendi għalih May – għandu jsir ftit jiem biss wara l-ewwel round tal-votazzjoni fl-elezzjoni għall-Presidenza ta’ Franza.

Filwaqt li l-Gvern Britanniku qed jittama li t-taħditiet ma’ Brussell isiru mill-aktar fis, hemm il-possibbiltà li dawn ma jibdewx ‘bis-serjetà’ qabel is-summit mistenni u mhux qabel isir magħruf ir-riżultat finali tal-elezzjoni ta’ Franza, fis-7 ta’ Mejju.

Min-naħa tiegħu, Donald Tusk qal li ‘jiddispjaċih, iżda fl-istess ħin jirrispetta d-deċiżjoni tar-Renju Unit biex jitlaq mill-UE’. Hu awgura wkoll li ‘dan il-proċess ta’ divorzju’ jiffranka kemm jista’ jkun mill-impatt negattiv potenzjali għall-Unjoni Ewropea.