Martin McGuinness, tal-Partit Sinn Fein, li kien dam is-snin bħala Viċi l-Ewwel Ministru tal-Irlanda ta’ Fuq u li kellu wkoll storja twila bħala Kap tal-gwerillieri tal-IRA, miet fl-età ta’ 66 sena, fi sptar ta’ Londonderry. Il-katavru ta’ McGuinness, issa, twassal f’Derry, belt twelidu, bil-funeral mistenni jsir nhar il-Ħamis.
Ir-rapporti qalu li McGuinness, li fl-aħħar snin ta’ ħajtu stinka għall-paċi fl-Irlanda ta’ Fuq, kien qed isofri minn kundizzjoni tal-qalb rari. Intant, l-ewwel kummenti wara mewtu fakkru li hu, bħala repubblikan ferventi, kien protagonista fl-impenji għal Irlanda sħiħa u magħquda. Sadanittant, il-Palazz ta’ Buckingham f’Londra kkonferma li r-Reġina Eliżabetta bagħtet messaġġ privat lill-armla ta’ McGuinness.
Martin McGuinness kien strumentali biex l-Irlanda ta’ Fuq ikollha Gvern ibbażat fuq kunċett għall-qsim ta’ poter wara l-Ftehim Storiku tal-1998, magħruf bħala ‘tal-Ġimgħa l-Kbira’ (Good Friday Agreement).
Hu kien laħaq Deputy First Minister tal-Irlanda ta’ Fuq fl-2007 iżda għażel li jwarrab mill-kariga, f’Jannar, bi protesta għall-mod kif il-Partit Democratic Unionist tal-Irlanda ta’ Fuq kien ħa ħsieb ta’ skandlu konness mal-enerġija — b’dan il-pass iwassal ukoll għal elezzjonijiet bikrija fil-provinċja.
Intant, ħafna għadhom jiftakru lil McGuinness bħala ‘xprun wara l-vjolenza’ tas-snin sebgħin u t-tmeninijiet fl-Irlanda ta’ Fuq fejn numru ta’ nies u pulizija tilfu ħajjithom fost l-attakki — b’mod partikulari l-isplużjonijiet tal-bombi — li wettqu l-ġellieda tal-IRA fil-provinċja u l-artijiet tar-Renju Unit waqt l-era magħrufa bħala ‘The Troubles’.
Iżda waqt li l-qraba tal-vittmi tal-IRA ma jistgħux jaħfru l-passat u l-kontribuzzjoni ta’ McGuinness bħala Kap tal-grupp paramilitari, il-Prim Ministru tal-Irlanda, Enda Kenny, qal li l-mewt ta’ Martin McGuinness jirrappreżenta ‘telfa sinifikanti’ mhux biss għall-politika fl-Irlanda ta’ Fuq iżda anki għall-ispektrum politiku madwar l-Irlanda kollha u ‘il hinn minnha.
Il-Prim Minsitru tar-Renju Unit, Theresa May qalet li ‘filwaqt li hi ma taċċetta qatt it-triq li kien qabad Martin McGuinness f’żogħżitu, hu minnu li dan il-gwerillier-politiku, ‘il quddiem, kellu jaqdi rwol importanti fl-impenn biex ibiegħed il-moviment repubblikan tal-Irlanda ta’ Fuq mill-vjolenza’.
//= $special ?>