Internazzjonali

Ministru Soċjalista Franċiż jirriżenja dwar ‘xogħol fittizju għal uliedu’

Bruno Le Roux, membru tal-Partit Soċjalista Franċiż, irriżenja minn Ministru għall-Intern ta’ Franza wara li ssemma fi kwistjoni dwar ‘xogħol fittizju’ (fake jobs) li qed jingħad li hu kien ta liż-żewġ uliedu tfajliet meta huma kienu adolexxenti.

Le Roux, qabel, insista li x-xogħol ‘tas-sajf’ li ta lit-tfal tiegħu kien leġittimu,  iżda hu xorta ssejjaħ quddiem il-Prim Ministru Franċiż, Bernard Cazeneuve biex jispjega l-pożizzjoni tiegħu.

Qed ikun allegat li ulied Le Roux, f’xi okkażjonijiet, kienu involuti ‘f’attivitajiet oħra’ meta huma kienu qed jitħallsu mill-Istat. Il-kwistjoni qed tingħata pubbliċità kbira meta l-eks-Prim Ministru Franċiż, François Fillon, il-kandidat taċ-ċentru-lemin għall-Presidenza, diġà jinsab taħt investigazzjoni fuq allegazzjonijiet li hu kien ipprovda lil qrabatu  b’xogħol tal-Istat ta’ natura dubjuża ‘u li seta’, fil-fatt, ma sarx’.

B’riżultat tal-investigazzjoni, Fillon – li għal żmien kien il-favorit li jirbaħ l-elezzjoni li jmiss għall-Presidenza ta’ Franza – jinsab it-tielet fl-istħarriġ tal-opinjoni popolari.

Sadanittant, l-allegazzjonijiet kontra Bruno Le Roux kienu żvelati fil-lejl tat-Tnejn, waqt programm televiżiv, meta ġurnalist avviċinah u talbu jispjega dwar ‘xogħol għal żmien il-vaganzi’ li l-istess Le Roux kien ħallas lil uliedu għalih bejn l-2009 u l-2016.

Le Roux ammetta li lil uliedu kien ħadhom miegħu fil-vaganzi tas-sajf u waqt btajjel oħra, iżda ‘qatt fuq sistema permanenti’. Hu magħruf li ż-żewġt ibniet ta’ Le Roux kienu bdew jaħdmu għalih meta kellhom bejn 15 u 16-il sena fost indikazzjonijiet li huma, bejniethom, setgħu akkumulaw mal-55,000 ewro permezz ta’ 24 kuntratti b’termini fissi.

Filwaqt li l-impjieg ta’ qraba hu prattika komuni fl-Assemblea Nazzjonali ta’ Franza, ir-rapporti dwar ‘il-każ Le Roux’ qalu li tnejn mill-kuntratti għal uliedu kienu jikkoinċiedu ma’ internship għal waħda minnhom ma’ kumpanija Belġjana u kors ta’ qabel l-istudju.

Sadanittant, l-Uffiċċju ta’ Le Roux tenna li ‘ulied il-Ministru kienu konkludew ix-xogħol kollu li huma tħallsu għalih u li, fost oħrajn, kien jinkludi impenji ta’ riċerka’.