Lokali

Muscat ma jistax jibqa’ jaħrab mill-emergency exit

Quddiem l-aħħar żviluppi fil-każ tal-indħil politiku fit-traffikar tad-droga f’Għawdex, il-Prim Ministru ma jistax jibqa’ jaħrab mill-emergency exit

Quddiem l-aħħar żviluppi fil-każ tal-indħil politiku fit-traffikar tad-droga f’Għawdex, il-Prim Ministru ma jistax jibqa’ jaħrab mill-emergency exit iżda għandu b’mod immedjat jagħmel dawn l-affarijiet li kull Prim Ministru serju, messu li għamel mill-ewwel ġurnata:

–    jindika min huma l-Ministri involuti

–    jippubblika t-termini ta’ referenza tal-inkjesta li ħatar

–    jgħid sa meta talab li titlesta din l-inkjesta

Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister tal-Intern Beppe Fenech Adami waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata wkoll mill-kandidati għall-elezzjoni ġenerali Charlot Cassar u Anne Marie Muscat Fenech Adami.

Beppe Fenech Adami sostna li l-Prim Ministru m’għandu bżonn ebda inkjesta biex jistabbilixxi min huma ż-żewġ Ministri involuti. “L-uniku ħaġa li jrid jagħmel hu li jsejjaħ il-membri tal-Kabinett wieħed wieħed u jiċċekja min minnhom kien Għawdex dakinhar li seħħet il-laqgħa fil-Ministeru għal Għawdex. Lill-Ministru għal Għawdex, jista’ jistaqsieh jekk dakinhar kienx fil-Ministeru, u jekk ma kienx hu, liem Deputat ieħor Għawdxi daħal fil-Ministeru tard filgħaxija,” qal Beppe Fenech Adami. Hu sostna li l-Prim Ministru messu aġixxa mill-ewwel fil-konfront taż-żewġ politiċi involuti.

Hu rrefera wkoll għall-ittra anonima li ppreżenta lbieraħ fil-Parlament li kienet tindika li ż-żewġ persuni nvoluti huma s-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana u dak li llum laħaq Maġsitrat Grezzju Mercieca. Hu kkundanna l-fatt li qed tintlagħab din il-logħba maħmuġa, bil-għan li l-politiċi tal-Partit Laburista jħammġu lil xulxin. “Qegħdin f’sitwazzjoni fejn flok Ministru jerfa’ r-responsabbiltà ta’ għemilu, tinbeda kampanja ta’ ħmieġ ta’ tajn, mhux fuq l-avversarji politiċi tal-partit l-ieħor, iżda kontra nies fl-istess partit,” qal Beppe Fenech Adami.

Minn naħa tiegħu, Charlot Cassar qal li dan hu każ ieħor tad-double standards ta’ Joseph Muscat, għaliex filwaqt li f’każijiet fejn jistgħu jissemmew xi individwi tal-Partit Nazzjonalista, nħolqu inkjesti bi tliet Imħallfin u b’ħafna pompa kbira, biex jiġi investigat każ serju – jekk mhux l-aktar serju tal-leġiżlatura – fejn politiċi Laburisti indaħlu f’każ ta’ traffikar ta’ droga, qed issir taparsi nkjesta nkiss nkiss bil-għan li tintesa’. Hu qal li l-Partit Nazzjonalista ma jistax jinsa’ dan il-każ, meta ta’ kuljum nisimgħu b’individwi li jkunu vittmi tad-droga, u flok isibu l-protezzjoni tal-istat, isibu l-istat jiddefendi lill-kriminali li jittrafikaw id-droga.

Anne Marie Muscat Fenech Adami sostniet li bħala omm tinkwieta meta tara li flok l-awtoritajiet f’pajjiżna jaġixxu biex min qed jikser il-liġi, jħallas għal għemilu, għandna politiċi li jindaħlu biex min qed ibiegħ id-droga liż-żgħażagħ f’pajjiżna, jinħeles. Hi qalet li l-affarijiet kif qed isiru f’dan il-każ huma kompletament bil-kontra ta’ kif għandhom isiru: flok il-politiċi jassiguraw li min qed jittrafika d-droga, jingħata l-piena li hemm bżonn biex juri li jkun qed jiddefendi lill-vittmi tad-droga, l-politiċi Laburisti qed jagħmlu bil-kontra.