Futbol Sport

Ronaldo vvutat l-aqwa plejer tal-Portugall

Renato Sanches

Il-winger ta’ Real Madrid Cristiano Ronaldo ġie vvutat bħala l-aqwa plejer Portugiż għas-sena li għaddiet hekk kif għeleb l-isfida tad-difensur Pepe. Ronaldo, li f’Jannar li għadda rebaħ il-Ballun tad-Deheb, kellu sena mill-aqwa fejn ma’ pajjiżu rebaħ il-Kampjonat Ewropew filwaqt li fuq livell ta’ klabb rebaħ iċ-Champions League, il-UEFA Super Cup u t-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs.

Ronaldo lagħab ftit minuti fil-finali tal-Euro 2016 kontra Franza minħabba li weġġa’ imma t-tim tiegħu xorta waħda kiseb rebħa ta’ 1-0 kontra t-tim ta’ Deschamps. Ronaldo, li għandu 32 sena kien il-captain tat-tim Portugiż li ħasad lil kulħadd u rebaħ l-unur fi Franza.

Filwaqt li Ronaldo temm fl-ewwel post, Pepe spiċċa fit-tieni post filwaqt li l-gowlkiper Rui Patricio spiċċa fit-tielet post.
Intant, il-midfielder ta’ Bayern Munich Renato Sanches ġie ivvuatat bħala l-‘aqwa rivelazzjoni tas-sena’ u l-kowċ tat-tim nazzjonali Portugiż Fernando Santos ġie ivvutat bħala l-aqwa kowċ tas-sena. Sanches kien iffirma ma’ Bayern Munich qabel ma ħa sehem fl-Euro 2016 f’turnament li fih lagħab sitt partiti minn sebgħa.

Santos għeleb l-isfida tal-kowċ ta’ Benfica Rui Vitoria u tal-kowċ ta’ Portimonense, Vitor Oliveira.