Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil appella lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jintervjeni quddiem l-attitudni deskritta waħda arroganti taċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir.
Dan l-appell sar mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fil-ħin tal-mistoqsijiet tas-seduta parlamentari tal-lejla wara li Simon Busuttil staqsa lill-Prim Ministru għar-reazzjoni tiegħu quddiem l-ittri li l-ħaddiema tal-Atworità tax-Xandir kitbu lill-istess Prim Ministru biex jintervjeni minħabba l-attitudni tal-istess Chairperson.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-gvern jirrikonoxxi li l-Awtorità tax-Xandir hi waħda kostituzzjonali u ma tiħux ordnijiet mingħand il-Gvern. Hu qal li tħassib tal-ħaddiema tressaq għall-attenzjoni tal-Bord tal-Awtorità x-Xandir u kompla li hu bħala Prim Ministru ma jidħolx f’din il-kwistjoni. Il-Prim Ministru appella għal-laqgħat u għad-djalogu biex titnaqqas din it-tensjoni.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li din hi kwistjoni li marret lil hinn minn dan l-aspett minħabba li l-ħaddiema qalu li ma jistgħux jaħdmu b’konsegwenza tal-attitudni taċ-Chairperson. Din hi sitwazzjoni ta’ kriżi f’awotorità kostituzzjonali, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li staqsa jekk il-Prim Ministru jħossx li għandu jintervjeni minħabba li hu jmexxi l-gvern.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat appella għal diskussjonijiet bejn iż-żewġ naħat u biex ma jsirux preċedenti bl-involviment tal-gvern f’din il-kwistjoni.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li l-Prim Ministru jidher li mhux lest li jilqa’ l-appell tal-ħaddiema.
Il-Prim Ministru qal li hu lest jimxi mal-liġi għalkemm jifhem il-gravità tas-sitwazzjoni.
//= $special ?>