Dalgħodu ltaqgħet għall-ewwel darba il-Kummissjoni indipendenti li se tipproponi bidliet fis-sistema politika Maltija, b’mod partikolari fil-finanzjament tal-partiti u tal-poltiċi.
Il-Kummissjoni, li twaqqfet mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ftit jiem ilu, hija mmexxija mill-Imħallef Giovanni Bonello u tinkludi wkoll lill-eks Kummissarju Ewropew Tonio Borg u lil Petra Caruana Dingli li ġejja mis-soċjetà ċivili.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil attenda għall-ewwel laqgħa sabiex jippreżenta lill-Kummissjoni it-terms of reference tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu. Fost dawn hemm li jsiru proposti sabiex tinbidel radikalment is-sistema politika f’Malta, b’mod partikolari fil-mod ta’ kif jiġu finanzjati kemm il-partiti politiċi kif ukoll il-politiċi infushom. Dan għandu jsir wara stħarriġ tas-sistemi użati f’dawk il-pajjiżi li huma meqjusa fost l-aktar trasparenti minn Transparency International.
Fl-ewwel laqgħa, il-Kummissjoni qablet li għandu jsir proċess ta’ konsultazzjoni pubblika sabiex kull min irid joffri l-ideat tiegħu ikun jista’ jagħmel dan.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil diġà ħabbar li huwa jara li l-proposti tal-Kummissjoni jiddaħħlu bħala parti mill-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni li ġejja.
//= $special ?>