Internazzjonali

Timmaġinak taqla’ $11-il biljun f’sena? Rekord ta’ 2,043 biljunarju madwar id-dinja

Madwar d-dinja hawn 2,043 persuna li fil-pussess tagħhom għandhom biljun dollaru Amerikan jew iżjed. Dan joħroġ minn lista tal-magażin Forbes, li turi rekord ta’ sinjuruni fl-istorja ta’ kemm ilha tiġi ppubblikata din l-informazzjoni.

Fil-quċċata tl-lista, għar-raba’ sena konsekuttiva, wieħed isib lill-fundatur ta’ Microsoft Bill Gates li f’sena waħda biss irreġistra dħul ta’ $11-il biljun biex issa ġidu jlaħħaq is-$86 biljun.

Dan juri distakk kbir minn Warren Buffett, li kiseb it-tieni post tal-lista ta’ Forbes b’ġidu jlaħħaq il-$75.6 biljun, u l-fundatur ta’ Amazon, Jeff Bezos, li għandu valur ta’ $72.8 biljun.

Interessanti li fil-lista wieħed isib ukoll lill-President Amerikan Donald Trump, li minkejja li għandu valur ta’ $3.5 biljun, fl-aħħar sena tilef $1 biljun u waqa’ mit-324 post għall-544 post. Jirriżulta li dan hu kawża tad-diffikultajiet taż-żona fejn wieħed isib Trump Tower u tmien binjiet oħra li bejniethom jgħoddu għal 40% ta’ ġidu.

Mill-2016 għall-2017, il-biljunarji madwar id-dinja żdiedu minn 1,810 għal 2,043 jew inkella bi 13%. Żdied ukoll, bi 18%, il-valur tal-biljunarji kollha magħqud flimkien għal rekord ta’ $7.67 triljun, aktarx riżultat ta’ żieda fis-suq tal-istock kif ukoll prezzijiet ogħla taż-żejt.

L-ikbar ammont ta’ biljunarji jinsabu fl-Istati Uniti (565 biljunarju), segwiti miċ-Ċina (319 biljunarju), il-Ġermanja (114-il biljunarju), l-Indja (101 biljunarju) u r-Russja (96 biljunarju). Kien hemm żieda ta’ 25% fl-ammont ta’ biljunarji nisa li issa jlaħħqu ċ-ċifra ta’ 227.