Lokali

Battibekk jaħraq bejn Edward Scicluna u ġurnalist Ġermaniż tal-Panama Papers

Il-ġurnalist Frederick Obermaier (xellug) u l-Ministru Edward Scicluna (lemin)
Il-battibekk ittrasforma ruħu f’attakk martellanti fuq il-Ministru Scicluna u allura ta’ ħsara għal pajjiżna li diġà ħa fama ħażina ħafna bis-sehem ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri fil-Panama Papers

Matul il-ġimgħa li għaddiet kien għaddej battibekk jaħraq bejn Frederik Obermaier – ġurnalist Ġermaniż li, flimkien ma’ sieħbu, kien irċieva b’mod anonimu dak li saru magħrufa bħala l-Panama Papers – u Edward Scicluna, il-Ministru tal-Finanzi.

Il-battibekk irriduċa ruħu għal tweet kuljum min-naħa ta’ Obermaier li fih, fost l-oħrajn, beda jistieden lill-Ministru Scicluna li jew jakkjarifika jew jagħmel apoloġija għal dak li akkużah bih.

Kollox beda b’artiklu f’nofs Frar li għadda fil-gazzetta Ġermaniża Suddeutsche Zeitung, iffirmat minn żewġ ġurnalisti, wieħed minnhom Frederik Obermaier, bit-titlu Post fix-xemx, li kien jittratta l-pożizzjoni ta’ Malta fil-konfront ta’ mijiet ta’ kumpaniji Ġermaniżi inkorporati f’pajjiżna. Il-gazzetta tallega li ħafna minnhom mhumiex reġistrati fil-Ġermanja wkoll u, finalment, dan jagħmel minn Malta tax haven.

Tweet reċenti ta’ Frederick Obermaier b’kummenti ibsin fil-konfront tal-Ministru Edward Scicluna

Il-Ministru Scicluna oġġezzjona għal din il-konklużjoni li tagħmel ħsara lil pajjiżna, b’mod speċjali fiċ-ċirkustanzi tal-lum. Hu kiteb għadd ta’ tweets f’botta u risposta ma’ Obermaier li spiċċaw bil-Ministru Scicluna jakkuża lill-Ġermaniżi li dak ir-rapport kellu skop wieħed: demigrate & bully.

Obermaier qal li Scicluna kien qed jitkellem dwar accounts mentri l-artiklu kien jirreferi għal kumpaniji. Hu talab lill-Ministru Scicluna jgħid għaliex kien qed jagħmel dan l-iżball.

Minn hawn bdiet serje ta’ tweet kuljum min-naħa ta’ Frederik Obermaier li f’kull wieħed minnhom jagħmel l-istess mistoqsija lill-Ministru Scicluna: “Għaliex ma tridx twieġeb il-mistoqsija “għaliex qed issemmi accounts?” Aħna ma tkellimniex dwar accounts”. F’kull tweet, Obermaier ifakkar in-numru ta’ ġranet li għadu bla tweġiba mingħand Edward Scicluna.

Il-battibekk ittrasforma ruħu f’attakk martellanti fuq il-Ministru Scicluna u allura ta’ ħsara għal pajjiżna li diġà ħa fama ħażina ħafna bis-sehem ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri fil-Panama Papers

Fl-aħħar jiem Frederik Obermaier żied li dan hu atteġġjament dubjuż min-naħa tal-Ministru. U żied: “After public misinformation Edward Scicluna still denies clarification/apology – his ministry does non even answer media inquiry.”

Kif żviluppaw l-affarijiet issa teżisti sitwazzjoni fejn jum wara jum, eluf kbar ta’ nies madwar l-Ewropa u fid-dinja, isegwu x’qed jgħid Obermaier b’rappreżentant għoli tal-Kabinett Malti b’fomm magħluq.

Osservaturi ta’ esperjenza fil-qasam tal-ġurnaliżmu qalu lil din il-gazzetta li filwaqt li jista’ jkun li l-Ministru Scicluna kellu bażi tajba biex iwieġeb l-artiklu oriġinali, hu waqa’ fl-iżball li attribwixxa mottivi serji fil-konfront ta’ Obermaier.

Obermaier illum il-ġurnata sar isem rinomat ħafna madwar id-dinja u minflok kjarifika serja u ċara li kienet twaqqaf kull tip ta’ polemika, il-battibekk ittrasforma ruħu f’attakk martellanti fuq il-Ministru Scicluna u allura ta’ ħsara għal pajjiżna li diġà ħa fama ħażina ħafna bis-sehem ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri fil-Panama Papers.