Lokali

FILMAT: Muscat isejjaħ lill-media imma jerġa’ jaħrab mill-bieb ta’ wara

Malli ntemm iċ-ċapċip ta' dawk preżenti, Muscat ta daru lill-udjenza, u ħarab mill-ġenb tal-palk armat apposta għall-attività.

Għal darb’oħra l-Prim Ministru Joseph Muscat ħarab mill-bieb ta’ wara fi tmiem attività li għaliha stieden lill-media.
Joseph Muscat kien qed jindirizza attività miftuħa għall-media li matulha ġie ffirmat memorandum of understanding bejn il-Gvern u il-Malta Racetrack Consortium dwar l-iżvilupp ta’ faċilitajiet ġodda marbuta mat-tlielaq taż-żwiemel fil-Marsa.

Filwaqt li fi tmiem l-attività wieħed mix-shareholders tal-konsorzju wieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Prim Ministru Joseph Muscat irrifjuta li jagħmel dan. Malli ntemm iċ-ċapċip ta’ dawk preżenti fi tmiem l-iffirmar tal-memorandum of understanding, Muscat ta daru lill-udjenza, u ħarab mill-ġenb tal-palk armat apposta għall-okkażjoni. Diversi ġurnalisti baqgħu jistennew lill-Prim Ministru, iżda dan kien kollu għalxejn.

Dak il-ħin, NET News staqsa lill-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni ta’ Joseph Muscat, Kurt Farrugia dwar jekk Muscat kienx se jagħti kummenti lill-media. Bid-daħqa, Kurt Farrugia wieġeb li l-Prim Ministru kien għaddej bil-laqgħat tiegħu, u li għaldaqstant ma kienx disponibbli.

Joseph Muscat

Il-Gvern se jagħti l-korsa tal-Marsa lill-privat b’konċessjoni għal 65 sena; mhux magħruf kemm se jħallas il-privat; mhux esklużi żviluppi ta’ natura kummerċjali wkoll

Il-memorandum of understanding kien iffirmat bejn il-Gvern u l-Marsa Racetrack Consortium u għandu jwassal biex ikunu żviluppati faċilitajiet ġodda fil-Marsa għat-tlielaq taż-żwiemel. L-avukat Pio Valletta, li huwa wieħed mix-shareholders fil-konsorzju, u li ffirma l-memorandum of understanding f’isem il-konsorzju, spjega li llum stess ġiet irreġistrata l-kumpanija ‘Marsa Race Track Limited’ li tinkludi numru ta’ shareholders li flimkien jiffurmaw il-konsorzju li miegħu il-Gvern iffirma dan il-memorandum of understanding.

L-art tal-korsa tal-Marsa se tkun qed tingħata lil dan il-konsorzju b’konċessjoni għal 65 sena għal somma flus li sa issa għadha mhijiex magħrufa. “Għadna fil-bidu li nibdew ninnegozjaw biex naslu għal concession agreement” qal l-Avukat Pio Valletta fil-kummenti tiegħu lill-media. “Hemm sitt xhur biex isiru dawn in-negozjati” żied jgħid meta mistoqsi kemm se jħallas il-konsorzju għall-għoti ta’ din l-art mill-Gvern.

Skont l-Avukat Valletta, kwalunkwe żvilupp irid ikun marbut mal-isport ekwestriju. Hu ċaħad li l-memorandum of understanding jitkellem dwar il-possibiltà ta’ żvilupp ta’ casino jew żviluppi residenzjali. Madanakollu ma nnegax li jista jkun hemm żviluppi ta’ natura kummerċjali. “M’hemm xejn ħażin li jkollok il-ħwienet” qal Valletta fil-kummenti tiegħu.

Il-memorandum of understanding iffirmat bejn il-Gvern u l-Malta Racetrack Consortium ma ġiex ippubblikat u l-Avukat Valletta qal li biex dan jiġi ppubblikat, jeħtieġ li jkun hemm qbil bejn iż-żewġ naħat, jiġifieri anke mill-Gvern.

Għall-iffirmar ta’ dan il-memorandum of understanding, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Isport Chris Agius.

L-Avukat Pio Valletta