Lokali

FILMAT: “Soqt vettura… ix-xewqa tiegħi qed issir realtà” – Żagħżugħ fis-siġġu tar-roti

Jekk Christian jirnexxielu jitgħallem isuq il-vettura għal kollox waħdu, u jibda jsuq fit-toroq Maltin, ikun propju l-ewwel sewwieq Malti li jkun għamel dan.

L-indipendenza hi sabiħa, iktar u iktar meta tingħata lil xi ħadd li jkun jixtieqha. Forsi ħafna ma jirrealiżżawx kemm hi ħaġa prezzjuża li tqum filgħodu, tilbes, taqbad iċ-ċwievet tal-karozza u ssuq lejn l-iskola jew lejn ix-xogħol. Madanakollu għalkemm dan mhux dejjem possibbli għal kulħadd, speċjalment għal persuni b’diżabilità ix-xewqa ta’ wħud tista’ ssir realtà.

Filfatt, Christian Camilleri żagħżugħ ta’ 26 sena u li jbati mill-kundizzjoni tas-cerebral palsy jagħmel użu missiġġu tar-roti. Għalkemm bħala persuna hu wieħed attiv u ħaddiem fi ħdan il-Kumissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità, sa issa Christian għad ma kellux l-opportunità li jwassal lilu nniffsu fejn jixtieq imur. Madanakollu, din hi xewqa li iktar ma jmur qed issir realta’.

Ma’ Netnews.com.mt, Christian qal li hu jixtieq jibda jsuq u jkun iktar indipendenti. Kien għalhekk li fis-27 ta’ Frar li għadda mar l-Ingilterra sabiex jipprova jsuq għal-ewwel darba vettura waħdu.  Christian jitla’ bis-siġġu tar-roti b’kollox fil-karozza mill-bieba ta’ wara. Is-siġġu jibqa sejjer sa quddiem l-isteering u wara li jassiguraw li jkun sod, Christian jidher isuq il-vettura mingħajr għajnuna oħra sabiex jimmanuvra l-vettura.  Christian kien assistit minn persuna oħra mħarrġa sew f’dan it-tip ta’ sewqan.

Christian jixtieq li din it-teknoloġija tiġi Malta sabiex ikunu jistgħu jsiru testijiet tas-sewqan f’pajjiżna stess peress li sa issa din il-possibiltà għadha ma teżistix hawn Malta. Jekk hu jirnexxielu jitgħallem isuq il-vettura għal kollox waħdu, hu jkun jista jibda jsuq fit-toroq Maltin.