Il-Pulizija qed tinvestiga każ serju ta’ allegat swat illi seħħ fuq raġel ta’ 42 sena fl-Isptar Monte Karmeli.
Il-kaz jidher illi seħħ bejn nhar it-Tnejn u t-Tlieta fl-Isptar stess, meta r-raġel kien qed jiġi trasferit mis-sala DDU lejn is-Seclusion Ward.
Kien il-programm Net Live illi xandar b’mod esklussiv ir-ritratti ta’ dan ir-raġel illi qed jgħid li issawwat f’Monte Karmeli. Il-ġrieħi f’wiċċu, f’saqajh u f’partijiet oħra ta’ ġismu tant kienu gravi illi l-vittma spiċċa jittieħed l-emerġenza, bla ma biss kienu jafu l-qraba tiegħu.
Kien it-tifel ta’ dan ir-raġel illi t-Tlieta wara nofsinhar, mar jara lil missieru…u skopra x’kien ġara.
L-unika wieħed li sema’ l-ilmenti tal-familja kien manager partikolari f’Monte Karmeli illi qed jiġbor id-dettalji kollha tal-każ.
Dan ir-raġel kien ittieħed fis-sala DDU il-Ħadd wara nofsinhar fuq parir tat-tobba minħabba li kien qed jabbuża minn xi sustanzi. Il-ħsieb tiegħu kien illi wara ftit jiem ta’ mistrieħ, jibda programm ta’ riabilitazzjoni – iżda dan kollu sfuma fix-xejn meta r-raġel spiċċa f’din il-kundizzjoni.
//= $special ?>