(Ara l-grafika aktar ‘l isfel)
Illejla l-Parlament se jiddiskuti r-rapport imħejji mill-Kummissjoni Elettorali dwar it-tibdil fid-distretti elettorali. L-aħħar rapport dwar il-konfini tad-distretti elettorali kien sar fil-11 ta’ Ottubru 2011 u filfatt, it-tibdil kien seħħ fl-2012.
Ir-rapport fih żewġ proposti: proposta magħmula mill-Kummissarji Elettorali maħtura mill-Gvern b’appoġġ tal-Kummissarju Elettorali Ewlieni (il-proposta ewlenija) (ara taħt għal aktar dettal), liema proposta ma ġietx addottata b’mod unanimu, u proposta oħra magħmula mill-Kummissarji Elettorali nnominati mill-Oppożizzjoni (il-proposta minoritarja). Għalkemm fiż-żewġ proposti hemm ħafna similaritajiet, il-proposta magħmula mill-membri nnominati mill-Oppożizzjoni tistrieħ fuq numru ta’ prinċipji, fosthom il-prinċipju li jkun hemm l-inqas numru possibbli ta’ lokalitajiet maqsuma.
Illejla, il-Parlament se jiddiskuti dawn il-proposti u jkollu għażla li jivvota fuq il-proposta ewlenija tal-Kummissjoni Elettorali (li dwarha ma kienx hemm qbil unanimu fil-Kummissjoni Elettorali) jew inkella jibgħat il-proposta lura għand il-Kummissjoni Elettorali għal aktar tibdil abbażi ta’ dak li jiġi diskuss fil-Parlament.
Skont il-Kostituzzjoni, il-Kummissjoni Elettorali tista’ tirrevedi l-konfini tad-distrett elettorali kull perjodu li ma jaqbiżx il-ħames snin. Filfatt, il-Kummissjoni Elettorali kellha sa April 2017 biex xi ħin jew ieħor tirrevedi l-konfini tad-distretti.
Sa April 2017 f’Malta kien hawn 339,616 votant, li 28,360 minnhom huma mid-distrett ta’ Għawdex u t-tibdil irid jirrifletti l-medja ta’ 25,938 votant f’kull distrett (b’varjazzjoni ta’ 1,297 votant; li jfisser li kull distrett ma jistax ikollu inqas jew aktar minn 1,297 votant inqas jew aktar mill-medja stabbilita).
Il-proposta ewlenija tal-Kummissjoni Elettorali; maqbula mhux b’mod unanimu
Distrett 1
– Tingħaqad parti mill-Marsa (994 votant li kienu jagħmlu mar-raba’ distrett).
– Tingħaqad parti minn Santa Venera (1,893 votant li kienu jagħmlu mat-tmien distrett).
Bit-tibdil, Distrett 1 ikun magħmul minn: Il-Belt Valletta, Il-Floriana, Il-Ħamrun, Il-Marsa, Il-Pietà, Gwardamanġa, Santa Venera
Distrett 2
– Tingħaqad parti mill-Fgura (1,718 votant mit-toroq fit-tielet distrett li jmssu ma’ Ħaż-Żabbar u Bormla).
Bit-tibdil, Distrett 2 ikun magħmul minn: Il-Birgu, L-Isla, Bormla, Ħaż-Żabbar, St. Peters’, parti mill-Fgura, Il-Kalkara, Ix-Xgħajra
Distrett 3
– Titlaq parti mill-Fgura (1,718 votant mit-toroq li jmissu ma’ Ħaż-Żabbar u Bormla) peress li se tmur mat-tieni distrett.
– Jitlaq il-kumplament tal-Fgura (6,138 votant) peress li se jmur mar-raba’ distrett.
– Jiżdied Ħal Għaxaq (3,826 votant) wara li jinqala’ minn mar-raba’ distrett.
– Jiżdied Marsaxlokk (2,801 votant) wara li jinqala’ minn mal-ħames distrett.
Bit-tibdil, Distrett 3 ikun magħmul minn: Iż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Marsaskala, Marsaxlokk
Distrett 4
– Titlaq il-parti tal-Marsa (994 votant) u tmur fl-ewwel distrett.
– Jitlaq Ħal Għaxaq, b’3,826 votant, biex imur mat-tielet distrett elettorali.
Bit-tibdil, Distrett 4 ikun magħmul minn: Il-Fgura, Il-Gudja, Paola, Santa Luċija, Raħal Ġdid
Distrett 5
– Jitlaq Marsaxlokk, b’2,801 votant biex imur mat-tielet distrett.
– Jiżdied Ħal Farruġ (571 votant) (Ħal Farruġ jagħmel mal-lokalità ta’ Ħal Luqa) wara li jitlaq is-sitt distrett.
Bit-tibdil, Distrett 5 ikun magħmul minn: Birżebbuġa, Ħal Kirkop, L-Imqabba, Ħal Farruġ, Il-Qrendi, Ħal Safi, Iż-Żurrieq, Bubaqra
Distrett 6
– Jitlaq Ħal Farruġ (571 votant) (Ħal Farruġ jagħmel mal-lokalità ta’ Ħal Luqa) biex imur mal-ħames distrett.
Bit-tibdil, Distrett 6 ikun magħmul minn: Ħal Qormi, Is-Siġġiewi, Ħal Luqa
Distrett 7
– Titlaq l-Imdina (221 vot) biex tmur mal-ħdax-il distrett.
Bit-tibdil, Distrett 7 ikun magħmul minn: Ħaż-Żebbuġ, Ħad-Dingli, L-Imġrr, L-Imtarfa, Ir-Rabat, Il-Baħrija, Tal-Virtù
Distrett 8
– Titlaq il-parti ta’ Santa Venera b’1,893 votant biex tmur mat-tieni distrett.
– Jiżdied Ħal Balzan (3,292 votant) li jitlaq mill-ħdax-il distrett.
Bit-tibdil, Distrett 8 ikun magħmul minn: Ħal Balzan, Birkirkara, Fleu-de-Lys, Is-Swatar, L-Iklin, Ħal Lija
Distrett 9
– L-ebda tibdil
Distrett 9 jibqa’ jkun magħmul minn: Ħal Għargħur, L-Imsida, Is-Swatar, San Ġwann, Kappara, Is-Swieqi, Madliena, Ta’ Xbiex
Distrett 10
– Jiżdied Baħar iċ–Cagħaq (672 votant) li jitlaq mit-tnax-il distrett elettorali.
– Tiżdied parti min–Naxxar (1,628 votant mit-toroq tan-naħa ta’ Baħar iċ-Ċagħaq) li titlaq mit-tnax-il distrett elettorali.
Bit-tibdil, Distrett 10 ikun magħmul minn: Il-Gżira, parti min-Naxxar, Baħar iċ-Ċagħaq, Pembroke, San Ġiljan, Paceville, Tas-Sliema
Distrett 11
– Jitlaq Ħal Balzan biex jingħaqad mat-tmien distrett.
– Tiżdied l-Imdina wara li titlaq mis-seba’ distrtt.
– Jiżdied Burmarrad (li jaħmel ma’ San Pawl il-Baħar, b’655 votant).
Bit-tibdil, Distrett 11 ikun magħmul minn: L-Imdina, Ħ’Attard, Il-Mosta, Burmarrad
Distrett 12
– Jitlaq Baħar iċ–Ċagħaq (672 votant) biex jiżdied mal-għaxar distrett.
– Titlaq parti min-Naxxar (1,628 votant mit-toroq tan-naħa ta’ Baħar iċ-Ċagħaq) biex tingħaqad mal-għaxar distrett.
Bit-tibdil, Distrett 12 ikun magħmul minn: Il-Mellieħa, In-Naxxar, San Pawl il-Baħar
Distrett 13
– L-ebda tibdil
Distrett 13 jibqa’ jkun magħmul minn Għawdex u Kemuna.
Qsim fil-lokalitajiet
Bil-proposta ewlenija, li ma ġietx addottata b’mod unanimu, hemm qsim ta’ erba’ lokalitajiet f’żewġ distretti. Dawn huma l-Fgura, Ħal Luqa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar, li partijiet minnhom qed jinqasmu b’mod li l-lokalitajiet se jispiċċaw f’żewġ distretti.
Parti mill-Fgura fir-raba’ distrett se titpoġġa fit-tieni distrett; Ħal Farruġ (f’Ħal Luqa) se jitpoġġa mal-ħames distrett; parti min-Naxxar (fosthom Baħar iċ-Ċagħaq) se titpoġġa fl-għaxar distrett; filwaqt li Burmarrad (parti minn San Pawl il-Baħar) se titpoġġa mal-ħdax-il distrett.
Madanakollu, il-qsim tal-lokalitajiet ingħata aktar importanza fil-proposta minoritarja – jiġifieri l-proposta magħmula mill-Kummissarji Elettorali nnominati mill-Oppożizzjoni. Filfatt, bil-proposta minoritarja jinqasmu żewġ lokalitajiet biss: Ħal Luqa u n-Naxxar.
//= $special ?>