Din is-sena Ħal Tarxien qed jiċċelebra l-450 sena mindu twaqqaf bħala parroċċa taħt il-ħarsien tal-Verġni Marija fil-mument tat-tħabbira mill-Arkanġlu Gabriel u l-inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla f’ġufha: Marija Annunzjata.
Dan sar proprju fid-29 ta’ Mejju 1592 mill-Isqof Tommasso Gargallo, li fired lil Ħal Tarxien mill-matriċi ta’ Bir Miftuħ u qatgħu għalih bħala parroċċa indipendenti u awtonoma bil-fakulta’ li jkollha l-Kappillan tagħha.
Il-poplu Tarxiniż kien qed jikber mhux ħażin wara l-Assedju l-Kbir tal-1565 u għalhekk kien ilu jinħass li ssir it-talba biex Ħal Tarxien ikollu l-parroċċa tiegħu. Il-knisja żgħira medjevali tal-Lunzjata, li kienet tinsab fl-inħawi tal-Barrani, nħatret bħala l-knisja li sservi l-funzjonijiet parrokkjali bl-ewwel Kappillan kien Dun Sebastjan Cuscusu. Din il-knisja kienet l-aktar waħda għażiża mill-poplu ta’ Ħal Tarxien u kien xieraq għalhekk li tkun hi li sservi bħala Knisja Parrokkjali.
Issa li għaddew 425 sena kien xieraq li għal din l-okkażjoni jitħejja programm ta’ attivitajiet reliġjużi, pastorali, soċjali u kulturali mifruxa matul is-sena kollha. Fost l-oħrajn għall-festa liturġika din is-sena, li ser tkun ċelebrata nhar l-24 ta’ Marzu, ser isir peleġrinaġġ Marjan bl-istatwa titulari ta’ Marija Annunzjata, nhar il-Ħadd 26 ta’ Marzu filgħodu. Intant il-Ġimgħa filgħaxija, 24 ta’ Marzu, l-Isqof Emeritus Mons. Pawlu Cremona ser imexxi konċelebrazzjoni solenni fil-Knisja Parrokkjali.
Il-pellegrinaġġ, akkumpanjat mill-banda Marija Annunzjata, ser ikun okkażjoni storika peress li l-istatwa tal-Lunzjata ilha ma toħroġ f’Marzu madwar 70 sena. L-istatwa ser tintrefa’ minn bosta reffiegħa magħżulin apposta għal din l-okkażjoni speċjali li tgħammdu jew jgħixu fil-parroċċa ta’ Ħal Tarxien. Il-pellegrinaġġ joħroġ mill-Knisja Parrokkjali fid-9am u jgħaddi minn ħdejn il-Knisja ta’ San Nikola minn Tolentino tal-Komunita’ Agostinjana, u minn ħdejn iċ-Ċimiterju tal-Erwieħ, u jintemm f’nofsinhar bil-Barka Sagramentali.
Intant il-Festa Titulari ta’ Marija Annunzjata ser tkun iċċelebrata bejn it-18 u t-28 ta’ Mejju, bil-qofol jintlaħaq il-Ħadd jum il-festa.
//= $special ?>