Lokali

Il-UĦM tħarrax l-azzjonijiet industrijali fl-Awtorità tax-Xandir

Iċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir, Tanya Borg Cardona

Il-UĦM Voice of the Workers ħarrxet l-azzjonijiet industrijali tagħha fl-Awtorità tax-Xandir u ordnat lill-ħaddiema biex ma jagħmlux xogħol ta’ ippakkjar ta’ dokumenti relatati mat-trasferiment għall-bini l-ġdid u li ma jsir l-ebda qtugħ mill-pagi tal-ħaddiema.

Il-UĦM bdiet l-azzjonijiet industrijali fl-Awtorità tax-Xandir il-ġimgħa li għaddiet wara li l-ħaddiema ilmentaw li għal xhur sħaħ iċ-Chairperson Tanya Borg Cardona uzat theddid u bullying fil-konfront tagħhom

waqt il-programm ‘Mhux Għax Jimpurtanti’ li xxandar ilbieraħ fuq NET Television, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of The Workers Josef Vella tkellem dwar il-kriżi li għaddejja fl-Awtorità tax-Xandir.

Fil-fatt ilbieraħ filgħaxija stess il-UĦM, fil-preżenza tal-ħaddiema tal-Awtorità, għamlu protesta simbolika u għaddew ittra lill-Membri Parlamentari taż-żewġ naħat tal-Kamra, fosthom lill-Prim Ministru Joseph Muscat u lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.

Fil-Parlament, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil appella lill-Prim Ministru biex jintervjeni dwar iċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir li minħabba l-aġir tagħha, il-ħaddiema tal-Awtorità qed jaghmlu l-azzjonijiet industrijali.

Waqt il-programm ‘Mhux Għax Jimpurtani’, Josef Vella spjega li għalkemm l-Awtorità tax-Xandir twaqqfet bil-Kostituzzjoni u hi awtonoma, ma jfissirx li ċ-Chairperson tista’ tagħmel li trid. Żied li Tanya Borg Cardona, iċ-Chairpersona tal-Awtorità, la għandha l-kompetenza fil-qasam tax-xandir, la għandha l-ħiliet maniġerjali biex tgħaqqad lill-ħaddiema u lanqas għandha l-attitudni t-tajba.

Intant, f’rapport ta’ The Malta Independent llum, intqal li l-Awtorità tax-Xandir se tkun qed tonfoq aktar minn €100,000 fuq għamara u infrastruttura tal-IT fil-post il-ġdid li se tikri fil-Belt Valletta biex jintuża minflok il-bini attwali fil-Mile End fil-Ħamrun.